Friday, November 21, 2025

11-il sena ħabs talli daħħal id-droga f’pajjiżna

Aqra wkoll

Silvestre Antonio Garcia Alvarez ta’ 38 sena mir-Repubblika Dominikana kien ikkundannat 11-il sena ħabs wara li ammetta l-akkużi b’rabta ma’ importazzjoni, traffikar u pussess tad-droga. 

Huwa kien arrestat f’Lulju 2024 waqt operazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li matulha l-uffiċjali sabu tliet kilogrammi kokaina u kwantitajiet kbar ta’ diversi sustanzi illegali oħra. 

Huwa kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Spanjol ta’ 58 sena fejn kienu ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. Waqt is-seduti ħareġ li flimkien mal-kokaina, il-Pulizija sabet ukoll 600 gramma ta’ amfetamina, 400 gramma ta’ ketamina u madwar 2,500 pillola ecstasy flimkien ma’ ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. 

Iż-żewġ imputati kienu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi, iżda f’Ottubru li għadda, Alvarez bidel il-verżjoni u ammetta, bil-każ tiegħu jintbagħat quddiem il-Qorti Kriminali fejn ikkonferma li huwa ħati. 

Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, innotat li filwaqt li hu minnu li f’dan il-każ, l-ammissjoni ta’ Garcia Alvarez ma saritx fil-bidu nett tal-proċeduri kontra tiegħu, però fl-istess waqt ma jistax jiġi injorat il-fatt li huwa ammetta meta l-proċeduri kienu għadhom qed jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u meta kienet għadha ma ħarġitx l-Att ta’ Akkuża fil-konfront tiegħu. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li kellha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u d-Difiża. Kien għalhekk li filwaqt li sabet lill-akkużat Garcia Alvarez ħati tal-akkużi, ikkundannatu għal perjodu ta’ 11-il sena priġunerija u multa ta’ €18,000. 

Ma’ dan huwa ġie ordnat iħallas nofs l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti f’dawn il-proċeduri, jiġifieri s-somma ta’ €4,046, u dan fi żmien sentejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport