Aktar minn 50 skola sekondarja f’Malta u Għawdex bdew jiġu attrezzati b’magni li ser jipprovdu mingħajr ħlas prodotti tal-period lill-istudenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret il-proġett ‘End the Stigma. Period!’ fl-iskola sekondarja Thomas Moore fiż-Żejtun li permezz tiegħu mal-11,000 studenta ser ikollhom aċċess għall-prodotti tal-period mingħajr ħlas.
Hija qalet li din l-inizjattiva qegħda ssir biex tkun indirizzata bl-aktar mod effettiv l-istigma u t-taboo li dan il-proċess naturali għadu jikkawża. Qalet li din l-inizjattiva għandha l-għan għal diskussjoni libera dwar dan is-suġġett li m’għandux għalfejn jikkawża ebda mistħija.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-għoti b’xejn ta’ dawn il-prodotti huwa investiment ta’ nofs miljun ewro li huwa ġustifikat għaliex bih ser tissaħħaħ l-ugwaljanza. Dan għax bih ser jitnaqqsu l-iżvantaġġi li jaffettwaw ħażin il-mixja edukattiva tal-istudenti bniet. Spjegat li studji juri li l-ġranet tal-period iwasslu għal telfien ta’ ġranet fl-iskola u tal-lezzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg semmiet li din l-inizjattiva ser tnaqqas ukoll il-piż finanzjarju tal-familji u tkompli mal-miżura tal-budget li din is-sena neħħiet il-VAT fuq dawn il-prodotti essenzjali.
Hija qalet li dal-proġett li jikkontribwixxi wkoll għas-saħħa u l-iġjene, ser jilħaq il-milja tiegħu din is-sena bl-installazzjoni tal-magni fl-iskejjel sekondarji kollha kemm tal-gvern kif ukoll tal-knisja u privati, wara li fis-sena skolastika li għaddiet sar proġett pilota li serva biex saret riċerka għat-twettiq b’mod effettiv ta’ din l-inizjattiva.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan il-proġett qiegħed jimplimenta miżura kemm tal-manifest elettorali kif ukoll tal-istrateġija nazzjonali dwar l-ugwaljanza. Hija raddet ħajr lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi kif ukoll lill-awtoritajiet edukattivi li qegħdin jikkooperaw f’dan il-proġett b’risq lill-istudenti.