Fl-aħħar aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li l-każi attivi bħalissa huma ta’ 15,065.
Dan hekk kif mit-testijiet li saru matul l-aħħar 24 siegħa feġġew 1,144 każ ġdid filwaqt li 709 oħra ġew dikjarati bħala mfejqa mill-virus.
Fl-istess waqt l-ammont ta’ pazjenti li bħalissa jinsabu l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba l-Covid-19 huma 114, b’ħamsa minnhom li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
L-ammont ta’ mwiet issa huwa ta’ 484 wara li fl-aħħar 24 siegħa mietu mara ta’ 56 sena u oħra ta’ 67 sena waqt li kienu pożittivi bil-virus.
Il-programm ta’ vaċċinazzjoni baqa’ għaddej b’mod tajjeb hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li sal-bieraħ b’kollox ingħataw 1,106,647 doża tal-vaċċin. Minn dawn hemm 254,889 li huma dożi tal-booster.