Saturday, December 21, 2024

12-il każ ta’ żgħażagħ taħt l-età li nqabdu jixorbu l-alkoħol f’Paceville fl-aħħar xhur

Aqra wkoll

Kien hemm 12-il każ fejn żgħażagħ taħt l-età legali nqabdu jixorbu alkoħol jew spirti ġewwa Paceville jew San Ġiljan, mill-bidu ta’ Ottubru 2023 sal-preżent. Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.

Il-Ministru Camillieri qal li l-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin alloka iżjed riżorsi u kif ukoll qed jopera b’modus operandi differenti msejjaħ ‘intelligence-led policing’ fiż-żoni l-aktar iffrekwentati bħalma hu Paceville. Fakkar li skont l-aħħar rapport ippubblikat, kien hemm tnaqqis sinifikanti ta’ kriminalità marbuta ma’ ġrieħi f’San Ġiljan. Fil-fatt ir-rata kienet l-anqas f’25 sena (teskludi s-snin tal-pandemija – 2020 u 2021).

Investiment importanti li ser ikun qed isaħħaħ is-sigurtà f’dawn iż-żoni u kif ukoll jgħin lill-Korp tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom hu dak imħabbar fil-baġit għal din is-sena, hekk kif il-LESA se tkun qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż kameras tas-sigurtà mqabbdin mal-kamra tal-kontroll tal-LESA u l-Pulizija, sabiex iservu bħala detterent u kif ukoll permezz tagħhom tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra kull tip ta’ kriminalità. Dan ser ikun l-ewwel pass lejn skwadra speċjaliżżata ta’ Paceville, li topera b’informazzjoni u intelliġenza kontinwa.

“Kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu”, Tenna jwieġeb il-Ministru meta mitlub iwieġeb dwar l-iskwadra speċjali mwiegħda għal Paceville.

Ekonomija

Sport