Friday, December 27, 2024

12-il persuna b’diżabilità jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali tal-gastronomija

Aqra wkoll

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u l-assoċjazzjoni Kroata UNUO, 12-il persuna b’diżabilità ħadu sehem f’kompetizzjoni internazzjonali tal-gastronomija – Cupi’s Spoon – li ttellgħet f’pajjiżna għat-tieni darba.

Żaru din il-kompetizzjoni l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

Il-parteċipanti, kollha persuni b’diżabilità li għandhom ’il fuq minn 18-il sena, kellhom l-opportunità li juru l-abbiltajiet tagħhom permezz ta’ tisjir jew preparazzjoni ta’ cocktails li ġew preżentati lil tliet membri tal-ġurija li ġejjin mill-qasam tal-ospitalità, l-isport u x-xandir. Dawn flimkien taw punteġġi bbażati fuq il-proċess tal-preparazzjoni tal-platt jew cocktail magħżul u fuq il-preżentazzjoni. Ir-rebbieħa ser ikunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni fil-Kroazja aktar tard din is-sena.

Cupi’s Spoon hi inizjattiva ta’ UNUO, fejn rappreżentanti jduru diversi pajjiżi Ewropej b’vann li jservi ta’ bażi fejn persuni b’diżabilità jistgħu jippreparaw il-platt jew cocktail tagħhom, liema vann idur il-pajjiżi Ewropej matul is-sena sakemm jintgħażlu r-rebbieħa minn kull pajjiż. Matul iż-żjara f’Malta, il-President tal-assoċjazzjoni UNUO Vedran Habel u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna ffirmaw ftehim li permezz tiegħu mis-sena d-dieħla Aġenzija Sapport ser tkun l-entità liċenzjata f’Malta sabiex tkun tista’ tirrappreżenta lil UNUO u ttella’ l-edizzjoni ta’ Malta ta’ Cupi’s Spoon.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret dan il-proġett u fissret kif se jkompli jsawwar l-inklużjoni. “Billi nipprovdu pjattaforma fejn kulħadd jista’ juri l-ħiliet u l-kreattività tiegħu, qed inkissru l-ostakli u nenfasizzaw li t-talent ma jafx limiti. Din il-kompetizzjoni se toffri għodod u appoġġ biex tiżgura li l-parteċipanti  jkunu jistgħu jsajru bl-aħjar kapaċitajiet tagħhom, filwaqt li tirrifletti d-dedikazzjoni tagħna bħala Gvern biex nagħmlu l-opportunitajiet aċċessibbli għal kulħadd.”

“L-emanċipazzjoni hija ċentrali għall-istrateġija tal-inklużjoni tagħna u dan il-proġett iħeġġeġ lill-individwi b’diżabilità biex ikunu kburin bil-kapaċitajiet tagħhom u biex jispiraw lill-oħrajn bil-kisbiet tagħhom. Qed naraw ukoll li permezz tiegħu nenfasizzaw l-importanza tal-kunfidenza fihom infushom,” temmet tgħid il-Ministru.

Waqt il-ftuħ ta’ din l-attività li saret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna faħħar din l-inizjattiva ta’ UNUO li permezz tagħha persuni b’diżabilità qed jingħataw spazju fejn ikomplu jiżviluppaw l-abbiltajiet u l-interess tagħhom fit-tisjir u anke jakkwistaw esperjenzi fuq livell internazzjonali. Is-Sur Scicluna kompla li l-Aġenzija għalhekk hi kommessa li tagħti s-sostenn tagħha sabiex din l-inizjattiva f’Malta tissaħħaħ u tilħaq numru dejjem akbar ta’ parteċipanti bl-għan li tiżdied l-inklużjoni f’dan is-settur waqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-persuni b’diżabilità.


Ir-rebbieħa li ser ikunu qed jirrappreżentaw lil Malta ġewwa l-Kroazja aktar tard din is-sena huma Hope Brincat li rebħet il-kategorija tat-tisjir u Ryan Magro li rebaħ il-kategorija tal-cocktails. Ir-rebbieħa ser jingħataw l-opportunità li jmorru l-Kroazja bis-sapport tal-organizzaturi ta’ Cupi’s Spoon, l-Assoċjazzjoni UNUO. Dan minbarra li parti miż-żjara tagħhom ser tkun qed tinkludi wkoll udjenza mal-Papa f’Ruma flimkien mar- rebbieħa mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra.

Twassal l-awguri tagħha lill-kompetituri kien hemm preżenti wkoll Margaret Xerri, persuna b’diżabilità li tagħmel użu mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, li fl-2023 rebħet l-edizzjoni ta’ Cupi’s Spoon f’Malta u rrappreżentat lil Malta fil-Kroazja.

Ekonomija

Sport