Saturday, December 21, 2024

12-il priġunier qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs

Meta persuna tintbagħat għomor il-ħabs, il-persuna trid tqatta’ l-bqija ta’ ħajjitha tiskonta s-sentenza.

Aqra wkoll

Telgħu għal 12 l-ammont ta’ priġunieri li bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan wara li l-Erbgħa li għadda, is-Serb Bojan Cmelik ta’ 39 sena kien ikkundannat din il-piena meta f’ġuri nstab ħati li qatel lill-imprenditur Hugo Chetcuti f’każ li jmur lura għal Lulju tal-2018. Cmelik kien ikkundannat ukoll perjodu maqful ġo ċella waħdu.

Kelliema għall-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ċċarat ma’ dan is-sit li meta persuna tintbagħat għomor il-ħabs, dan ifisser li l-persuna trid tqatta’ l-bqija ta’ ħajjitha tiskonta s-sentenza mogħtija mill-Qorti. Madankollu, applikazzjonijiet għall-parole isiru skont il-liġi u l-ġurisprudenza applikabbli.

Każ riċenti fejn persuna weħlet il-piena massima kien fi Frar ta’ tliet snin ilu. L-immigrant Fodie Keita ta’ 43 sena u huwa mill-Mali, kien ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li f’Ġunju tal-2010 qatel immigrant ieħor, Adama Diabate li huwa wkoll mill-Mali, u ħeba l-katavru tiegħu f’Birżebbuġa. 

F’Novembru tal-2015, il-Libjan Nizar El Gadi ntbagħat għomru l-ħabs għall-qtil tal-eks mara tiegħu, l-Avukat Margaret Mifsud, liema delitt seħħ f’April tal-2012. Apparti hekk, huwa kien ikkundannat għal għaxart ijiem reklużjoni kull ħames snin.

Intant, l-ewwel persuna li ngħatat il-piena ta’ għomor il-ħabs mill-Qrati Maltin wara li tneħħiet il-piena kapitali fl-1971 kienet Marija Costa, li inċidentalment sa issa hija l-unika mara minn dak iż-żmien lil hawn li ngħatat din il-piena. Hija kienet instabet ħatja fi tmiem ġuri li qatlet lil żewġha Karmenu Costa.

Mill-bidu tas-snin 90 lil hawn kien hemm numru sostanzjali ta’ każijiet fejn il-Qorti tat sentenza ta’ għomor il-ħabs. Wieħed mill-priġunieri li l-iktar qatta’ żmien il-ħabs wara li ngħata din il-piena kien it-Tuneżin Ben Ali Wahid Ben Hassine, li iżda miet f’Novembru tal-2019 ġewwa l-Isptar Mater Dei. 

Ben Hassine kien instab ħati li flimkien ma’ Tuneżin ieħor, fi Frar tal-1988, qatel erbat irġiel: żewġ xufiera ta’ taxi u żewġ barranin; Ingliż u Franċiż.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport