Wednesday, April 24, 2024

12-il student jibbenefikaw minn €120,000 f’boroż ta’ studju fl-intelliġenza artifiċjali fuq livell speċjalizzat

L-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet umani qed jimxu id f’id għal dak li tirrikjedi l-industrija fil-qasam diġitali

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €120,000, 12-il student akkwistaw boroż ta’ studju permezz tal-fond Pathfinder, li huwa mmexxi mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali. Dawn l-istudenti qed ikomplu l-istudji tagħhom relatati mal-intelliġenza artifiċjali fuq livelli ta’ Masters u Dottorat, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Kull student se jibbenefika sa massimu ta’ €10,000.

Waqt il-preżentazzjoni tal-boroż ta’ studju, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar li, filwaqt li l-ewwel sejħa li saret fl-2020 kienet limitata għall-Università ta’ Malta, is-sejħa ta’ din is-sena twessgħet ferm iżjed, u għalhekk intlaqgħu applikazzjonijiet ta’ studenti li se jkomplu l-istudji tagħhom ma’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn, anke barra minn Malta. Fil-fatt, ħamsa mill-istudenti qegħdin isegwu l-istudju tagħhom fuq bażi full-time barra minn xtutna fl-Iżvezja, l-Amerika u l-Olanda.

Il-Ministru Silvio Schembri rrimarka kif din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-kapital uman, sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura u l-kapital uman jimxu id f’id fil-preparazzjoni tagħhom għal dak li tirrikjedi l-industrija fil-qasam diġitali.

Huwa nnota kif il-futur tal-ekonomiji se jkun ibbażat fuq it-teknoloġija diġitali avvanzata, u Malta għarfet dan mal-ewwel. Il-Ministru Schembri spjega li mhux b’kumbinazzjoni li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea qed jara li fis-sena 2022 Malta se jkollha l-aqwa tkabbir ekonomiku minn fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Spjega kif kruċjali għal dan kollu huwa l-fatt li pajjiżna huwa wieħed attraenti għall-investiment lokali u anke barrani, hekk kif inbniet infrastruttura diġitali b’saħħitha li fetħet it-triq beraħ biex investituri internazzjonali f’oqsma diġitali jsibu ekosistema ħolistika. 

Irrimarka li Malta tinsab ferm iżjed avvanzata minn ħafna pajjiżi fl-UE fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali – dan hekk kif, fuq livell Ewropew, għaddejjin b’diskussjoni wiesgħa sabiex tiġi implimentata liġi ffukata fuq l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Hawnhekk qed ikun propost biex l-istati membri f’pajjiżhom iwaqqfu awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jservu bħala entità regolatorja f’dan ir-rigward, xi ħaġa li Malta għamlet lura fl-2018 meta twaqqfet l-MDIA.

Sostna li permezz tat-twaqqif tal-MDIA, Malta reġgħet kienet minn tal-ewwel li ppreparat l-ekonomija tagħha għall-futur, iżda mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aspetti regolatorji. L-MDIA ngħatat ir-responsabbiltà li tmexxi strateġiji diġitali immirati li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fost dawn, hemm l-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali, u fost id-diversi elementi li għandhom jintlaħqu sal-2030, hemm dik li noffru fondi lil studenti li jkomplu bl-istudji tagħhom fuq livell ta’ Masters jew Dottorat f’kors li se jinvolvi l-intelliġenza artifiċjali fih.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA s-Sur Kenneth Brincat qal li, “Dawn il-boroż ta’ studju huma riflessjoni ta’ sinerġija maż-żminijiet tal-lum. Id-dinja qiegħda kontinwament tinbidel, u għaldaqstant hemm bżonn li l-industrija preżenti, u anke dik futura, issib nies bil-ħiliet adegwati. Aħna naħdmu f’settur li biddel wiċċ id-dinja mil-lejl għan-nhar, u għalhekk huwa kruċjali li nadattaw mill-ewwel sabiex inlaħħqu mad-domanda. Din hija sfida kbira mhux għall-industrija li naħdmu fiha biss, mhux għall-Malta biss, imma sfida universali.”

Sport