Uffiċjali ta’ Transport Malta matul il-lejl li għadda wettqu diversi spezzjonijiet għal għarrieda fuq vetturi tal-Y Plates.
Transport Malta permezz ta’ post fuq il-midja soċjali qalet li “wara li TM ssospendiet numru ta’ vetturi bil-Y-Plate li ma kinux konformi mal-liġi fejn kull vettura jrid ikollha spazju ġewwa Public Service Garage, bħala parti mill-infurzar, l-Awtorità għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda f’diversi bnadi f’Malta.
“Filwaqt li ride hailing apps issospendew kull vettura li ġiet identifikata minn TM, waqt l-ispezzjonijiet instabu 12-il vettura tal-Y Plate li nqabdu fit-triq bla permess. Dawn il-vetturi ġew konfiskati.
“TM kommessa li tibqa’ tieħu kull azzjoni possibli biex kull operatur jopera fil-parametri tar-regolamenti.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-trasport Chris Bonett qal li dan sar biex ikun assigurat li kull vettura topera fil-parametri tar-regolamenti. Stqarr li l-Gvern għamilha ċara li l-abbuż irid jieqaf.