“Il-Gvern daħħal fis-seħħ il-liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal biex jemenda aspetti legali u li permezz tagħhom jissalvagwardja aħjar id-drittijiet tat-tfal infushom. Permezz ta’ dawn il-bidliet, 180 tifel u tifla jinsabu f’permanenza, li tfisser li b’ordni tal-Qorti, dawn it-tfal jistgħu jgħixu f’ambjent ta’ familja stabbli u ma jispiċċawx maqbuda f’nofs kunflitt, jew saħansitra ikollhom jiċċaqalqu minn post għall-ieħor. Aktar minn hekk, 127 minn dawn it-tfal ingħaqdu ma’ familji fostered. Sodisfatt ninnota li fl-aħħar erba’ snin, kellna wkoll 15-il adozzjoni lokali, tmienja minnhom matul din is-sena stess”.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, f’kumment dwar il-fostering f’Malta. Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern jirrikonoxxi sew l-impenn u l-ħidma ta’ familji li jiffosterjaw u djar residenzjali li jrabbu tfal taħt il-kura tagħhom. Dan jitwettaq b’appoġġ ta’ servizzi soċjali kif ukoll finanzjarjament bil-ħlas ta’ allowance għal kull tifel jew tifla taħt il-21 sena fil-kura tagħhom. Din l-allowance żdiedet darbtejn u sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin u s-sena d-dieħla l-allowance għal darb’oħra se tiżdied b’€10 oħra fil-ġimgħa u titla’ għal €120 fil-ġimgħa jew €6,240 fis-sena għal kull tifel jew tifla fil-kura.
“Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kien, għadu u jibqa’ kommess li jagħti stabbilità lil kull tifel u tifla, speċjalment dawk it-tfal li għal xi raġuni ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom,” temm il-Ministru Michael Falzon.