Saturday, December 21, 2024

13-il każ ġdid; 4 minnhom fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far

Aqra wkoll

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,022 swabs li minnhom 13-il persuna rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt li tat l-aġġornament tal-lum dwar il-pandemija tal-coronavirus f’pajjiżna.

Erbgħa minn dawn it-13-il każ jikkonċernaw lil immigranti li huma residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

B’hekk il-każi f’pajjiżna issa jammontaw għal 412-il każ.

It-13-il każ tal-lum:

  • Raġel ta’ 28 sena li huwa mis-Sri Lanka iżda huwa residenti Malta. Dan kien f’kuntatt ma’ persuna oħra pożittiva u li kienet ġiet notifikata fit-13 ta’ April. Ir-raġel beda juri s-sintomi l-għada, fl-14 ta’ April.
  • Bħala parti mill-contact tracing li sar mill-awtoritajiet tas-saħħa inqabdet persuna oħra, mara Maltija ta’ 22 sena li hija healthcare worker li taħdem San vinċenz. Hija kienet diġà tinsab fi kwarantina wara li kienet ġiet f’kuntatt mal-pazjenta li ġa kienet reġistrata qabel. Hija żviluppat sintomi fl-14 ta’ April.
  • Mara Maltija ta’ 46 sena li fis-6 ta’ April bdiet turi sintomi. Mill-investigazzjonijiet li saru din il-mara ma kinitx qed taqdi lill-klijenti fil-ħanut tagħha iżda kienet qed tagħmel deliveries id-dar. Hawnhekk il-Profs. Gauci emfasizzat dwar il-ħtieġa li prodotti li jitwasslulna d-dar jitħallew jumejn fil-ġenb biex il-virus jilħaq imut, jew inkella jintmesħu sew b’ilma u s-sapun. L-awtoritajiet jinsabu wkoll f’kuntatt ma’ din il-mara biex tgħaddilhom l-informazzjoni lil min wasslet il-prodotti biex jiġu moniterjati.
  • Raġel minn New Guinea ta’ 38 sena li kellu s-sintomi fid-9 ta’ April. Ħadem l-aħħar fil-15 ta’ April u għalhekk qed isir contact tracing mal-kollegi tiegħu fuq il-post tax-xogħol u ma’ persuni li joqogħdu miegħu.
  • Raġel Malti ta’ 60 sena li beda juri sintomi fit-13 ta’ April. Ma kienx qed jaħdem u ġiet f’kuntatt ma’ persuna waħda tal-afamilja.
  • Mara Maltija ta’ 59 sena li fit-13 ta’ April bdiet turi sintomi. Kuntatt ma’ qarib wieħed li joqgħod id-dar magħha.
  • Raġel Malti ta’ 44 sena li fit-30 ta’ Marzu beda juri s-sintomi tal-marda. Dan baqa’ jmur ix-xogħol bis-sintomi u għaldaqstant qed isir proċess ta’ contact tracing mal-kollegi tiegħu fejn żewġ kollegi tiegħu qed jitqiesu li ġew f’riskju ta’ kuntatt u tpoġġew fi kwarantina. Fi kwarantina tpoġġew ukoll żewġ qraba tar-raġel.
  • Raġel ta’ nazzjoniltà Ingliża ta’ 58 sena. Idaħħal l-Isptar Mater Dei ilbieraħ għal kundizzjoni mhix relata mal-covid-19 iżda nqabed mill-iscreening li qed isir.
  • Mara Maltija ta’ 96 sena li ddaħħlet l-Isptar fit-13 ta’ April bi qtugħ ta’ nifs. Inizjalment irriżultat negattiva, u minn testijiet ulterjuri rriżultat pożittiva. Qed isir proċess ta’ contact tracing biex jiġu identifikati nies li setgħu ġew esposti.
  • L-aħħar erba’ każijiet jikkonċernaw lil immigranti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far: raġel ta’ 40 sena mill-Bangladesh; raġel mis-Sudan ta’ 38 sena; raġel ta’ 33 sena mill-Gambija; u raġel ta’ 23 sena mis-Sudan.
Ekonomija

Sport