L-għadd ta’ priġunieri li bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin telgħu għal 13. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, Michael Emmanuel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju kien ikkundannat din il-piena meta nstab ħati f’ġuri li qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius.
Dan id-delitt imur lura għal Settembru tal-2018, b’Michael Emmanuel ikun akkużat li qatel lill-mara fid-dar li kienu jgħixu fiha f’Raħal Ġdid. Il-vittma kienet omm ta’ sebat itfal bi tnejn minnhom ikunu tal-istess akkużat.
Agius, li dak iż-żmien kellha 35 sena, kienet instabet mejta fil-kamra tas-sodda u mill-awtopsja kien irriżulta li kienet mietet fgata.
Fi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulha minn dan is-sit Talk.mt, kelliema għall-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza qaltilna li fil-preżent hemm 13-il raġel li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs.
L-istess kelliema spjegat li hekk kif preżentament tgħid il-liġi, sentenza ta’ għomor il-ħabs tfisser li l-ħati jibqa’ detenut fil-ħabs għall-kumplament tal-ħajja tiegħu minħabba li ma teżisti l-ebda possibilità ta’ riduzzjoni tas-sentenza skont il-liġi.