Tuesday, December 24, 2024

13-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja b’serq u attakki fuq ħames persuni

Aqra wkoll

Erba’ rġiel barranin kienu ikkundannati 13-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja ta’ serq u attakki fuq ħames persuni fosthom raġel anzjan ta’ 68 sena. Il-każi jmorru lura għal Settembru tal-2020.

L-irġiel huma William Kelly Harrison ta’ 29 sena mwieled l-Istati Uniti, Priviledge Mupimhidzi ta’ 35 sena miż-Żimbabwe, Ahmed Ali Salah Lawan ta’ 30 sena mil-Libja u Deko Susanto ta’ 31 sena mill-Indoneżja.

William, Priviledge u Ahmed kienu mixlija b’serq ta’ oġġetti minn fuq tliet persuni kif ukoll attentat ta’ serq fuq persuna oħra u li żammew persuni kontra l-volontà tagħhom. William, Priviledge u Deko kienu mixlija li serqu oġġetti minn fuq raġel ieħor. Priviledge waħdu kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq żewġ persuni – Emanuel Zammit, li huwa anzjan, u Dritan Zuberi.

Fil-Qorti kien xehed Emanuel Zammit, li spjega kif nhar l-20 ta’ Settembru 2020 huwa kien miexi lejn il-Bombi fejn is-siġar, lejn il-Gżira u f’ħin minnhom avviċinawh tlieta min-nies u wara ġie wieħed minnhom jitolbu sigarett. 

Huwa qal li kien qala’ daqqa’ ta’ ponn u tefgħuh mal-art, ħadulu żewġ mobiles, xi flus kontanti u dokumenti oħra li kellu fuqu. Qal li wara li ġie aggredit, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. 

Spjega li kellu l-għadam ta’ taħt għajnejh miskur, kellhom isirulu xi punti u kellu ħafna tbenġil. Minkejja li spjega fid-dettall xi ġralu dakinhar huwa ma kienx f’pożizzjoni jagħraf min aggredih u serqu għaliex meta qala’ daqqa ta’ ponn waqa’ mal-art u komplew jagħtuh.

Il-Qorti iżda nnutat li fl-istqarrijiet tagħhom lill-Pulizija, William u Priviledge kienu kkonfermaw l-involviment tagħhom fir-reat filwaqt li Lawan kien ċaħad kull involviment fis-serqa u l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova ħtija kontrih. 

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Bradley Debono li qal li huwa kien insteraqlu iPhone7 li kien qalgħu rigal, basket u anke l-kartiera li iżda ma kellux flus fiha. Qal li dawn l-oġġetti ġew irritornati lura lilu meta mar id-Depot. 

F’dak li jirrigwardja l-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati li tagħhom kull wieħed mill-imputati kienu qed jinstabu ħatja b’mod partikolari l-fatt li fil-każ ta’ William u Priviledge wieħed mir-reati sar fuq persuna anzjana ta’ 68 sena. 

Ikkunsidrat ukoll il-fedina penali netta ta’ Deko u Ahmed u l-fatt li William kien ikkopera mal-pulizija tant li fil-każ ta’ Emanuel Zammit u Dritan Zuberi parti mill-oġġetti misruqa kienu ġew irkuprati u fil-każ ta’ Bradley, l-oġġetti kollha misruqa ġew irkuprati.

William Kelly Harrison kien ikkundannat erba’ snin u erba’ xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ akkużi dwar serq. Priviledge Mupimhidzi nstab ħati tal-akkużi dwar serq, attentat ta’ serqa, li kkaġuna ġrieħi gravi u li sar reċediv u kien ikkudannat erba’ snin u sitt xhur ħabs. Ahmed Ali Salah Lawan nstab ħati ta’ żewġ serqiet, attentat ta’ serqa, u ntbagħat sentejn u tmien xhur ħabs. It-tlieta li huma tpoġġew taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin.

Deko Susanto ntbagħat 18-il xahar ħabs effettivi wara li nstab ħati ta’ serqa bi vjolenza.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Mario Sciberras.

Ekonomija

Sport