Sunday, November 24, 2024

13-il sena ħabs għal kompliċità u traffikar ta’ kokaina

Aqra wkoll

Niġerjan kien ikkundannat 13-il sena ħabs u mmultat €30,000 wara li nstab ħati f’ġuri dwar assoċjazzjoni u traffikar ta’ droga kokaina.

Kofi Otule Friday instab ħati b’verdett ta’ seba’ voti favur u tnejn kontra fuq dawn iż-żewġ kapi ta’ akkuża.

Fil-Qorti ħareġ li nhar is-26 ta’ Awwissu 2009, ċertu Tony Johnson kien mar fir-residenza ta’ Kofi f’San Pawl il-Baħar u dan tal-aħħar allegatament tah ammont ta’ droga kokaina. 

Ġie allegat li l-akkużat kien tah id-droga bl-iskop li tiġi traffikata u mibjugħa lil terzi persuni f’Malta. L-akkużat kellu jirċievi €20,000 bħala parti mill-ftehim tad-droga.

Il-Pulizija kellhom informazzjoni li fl-istess jum kienet se ssir attività illegali b’rabta ma’ traffikar ta’ droga, u waqt li kienu qed josservaw l-inħawi ta’ Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, waqqfu u arrestaw kemm lil Austin Uche u Tony Johnson.

Meta għamlu l-arresti, l-Uffiċjali tal-Pulizija nnotaw borża skura u li fiha kien hemm total ta’ 949.13 gramma kokaina b’purità ta’ 33.7%. Il-valur tad-droga li kieku nbiegħet kienet tlaħħaq is-€72,134.

Mill-att tal-akkuża ħareġ ukoll li dan l-ammont ta’ droga kien allegatament fornut mill-akkużat Kofi Otule Friday.

Fi tmiem il-ġuri, l-Imħallef Aaron Bugeja sema’ l-verdett tal-ġurati b’seba’ voti favur u tnejn kontra u għalhekk sabu ħati ta’ dawn l-akkużi.

L-Imħallef sema’ wkoll is-sottomissjonijiet li saru mid-Difiża b’rabta mal-piena li kellha tingħata fiċ-ċirkostanzi tal-każ li jinkludu fost oħrajn it-tul ta’ żmien li ħadu l-proċeduri sabiex waslu fl-istadju tal-ġuri. Intqal ukoll li l-ko-akkużat Austin Uche fl-10 ta’ Marzu kien ikkundannat ħames snin ħabs u multa ta’ €7,000. 

Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni argumentat li s-sentenza ta’ Uche ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq dawn il-proċeduri billi l-istess Uche kien ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu u l-fatt li huwa kien akkużat biss b’assoċjazzjoni fuq traffikar ta’ kokaina. Dan filwaqt li l-akkużat instab ħati wkoll li forna l-kokaina.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti sabet lil Kofi ħati u kkundannatu piena ta’ 13-il sena priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €30,000. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern tal-proprjetà kollha involuta fl-imsemmija reati li tagħhom Kofi qed jinstab ħati u kull proprjetà mobbli u immobbli oħra tal-istess ħati. 

Sport