Tuesday, March 10, 2026

13-il sena ta’ kisbiet għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin

Aqra wkoll

Bħal-lum 13-il sena, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali u minn dakinhar ‘l hawn rebaħ żewġ elezzjonijiet ġenerali oħra b’maġġoranzi storiċi li jvarjaw minn 36,000 fl-2013 sa 40,000 vot fl-2022.

Gvern Laburista wiret sitwazzjoni ekonomika staġnata u qagħda soċjali diżastruża, tant li pajjiżna kien daħal f’riċessjoni fl-2012, b’rati għoljin ferm ta’ qgħad u faqar. 

Matul dawn it-13-il sena pajjiżna biddel ir-rotta biex kiseb fost l-aqwa riżultati frott id-deċiżjonijiet f’waqthom li ttieħdu minn Gvernijiet konsekuttivi Laburisti mmexxija minn Robert Abela u Joseph Muscat. 

Gvern Laburista kien determinat u kuraġġuż u bil-fiduċja u l-appoġġ tal-poplu għamel l-avvanzi li kellu bżonn il-pajjiż, b’għadd ta’ miżuri u proġetti li ser jibqgħu jgawdu minnhom in-nies fis-snin li ġejjin.

L-ikbar kisbiet li għamlu differenza f’ħajjet in-nies jinkludu:

  • L-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja
  • L-ogħla rati ta’ tkabbir fl-impjiegi
  • Mill-agħar rata ta’ impjiegi għan-nisa fl-Unjoni Ewropea għal rata li tħabbatha mal-aqwa pajjiżi Ewropej
  • Tkabbir ekonomiku rekord sena wara l-oħra
  • Għawdex bi tkabbir ikbar minn ta’ Malta
  • Roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma
  • Kontijiet stabbli tal-enerġija b’sussidju mogħti fl-aħħar 4 snin
  • Surplus fl-2017 u finanzi pubbliċi b’saħħithom fis-snin ta’ wara
  • L-aqwa riżultati għall-industrija turistika b’rekord ta’ turisti u nefqa
  • Childcare b’xejn għal kulħadd
  • Żewġ żidiet fil-paga minima wara qbil mal-imsieħba soċjali
  • L-introduzzjoni tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja
  • Naqas bin-nofs il-persuni fuq l-assistenza soċjali
  • Il-pensjoni minima tal-lum hija aqwa mill-pensjoni massima tal-2012
  • 13-il budget bla taxxi
  • L-ikbar tax cut fl-istorja
  • L-introduzzjoni tal-iskema tal-first time buyers
  • In-nefqa soċjali iktar minn irdoppjat mill-2013 ‘l hawn
  • Żieda fiċ-children’s allowance sena wara l-oħra
  • Żieda fil-pensjonijiet għal 11-il sena in fila
  • L-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Gvern
  • Persuni tal-istess sess jingħataw id-dritt li jiżżewġu u jadottaw tfal
  • Għal 10 snin Malta żżomm postha fil-quċċata tal-indiċi ILGA-Europe
  • Żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt li jivvutaw 
  • Kunsillliera ta’ 16-il sena jistgħu jinħatru Sindki
  • Koppji eterosesswali u omosesswali jistgħu jagħmlu l-IVF
  • L-introduzzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv għar-rappreżentanza fil-Parlament
  • Emendata l-liġi tad-divorzju
  • Tidħol fis-seħħ il-liġi tal-femiċidju
  • Tidħol fis-seħħ il-liġi tal-Whistlblower u titneħħa l-preskrizzjoni għall-politiċi
  • L-introduzzjoni tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti
  • Power station ġdida tal-gass f’Delimara
  • Il-proġetti tat-tieni interconnector u ħidma għat-tielet wieħed
  • Proġetti infrastrutturali kbar bħall-Junction tal-Kappara, is-Central Link, il-Flyover tal-Marsa u issa wkoll l-Imsida Creek
  • Saru l-akbar investimenti fl-istorja f’parks u spazji miftuħa bħal Wied Inċita, Wied Fulija, il-Park f’Ta’ Qali, il-Park ta’ San Klement, u l-Qortin (Għawdex)
  • Saru investimenti kbar f’faċilitajiet sportivi fosthom il-Kumpless Sportiv tal-Marsa u l-Kumpless Sportiv u Akwatiku t’Għawdex
  • Il-Belt Valletta tieħu t-titlu tal-Belt Kulturali Ewropea
  • Malta tospita laqgħat internazzjonali bħall-Valletta Summit, il-MED9 u laqgħa dwar il-paċi fl-Ukrajna
  • Malta tiġi fdata bil-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea, b’siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Chair tal-OSCE u bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa
  • Malta tirrikonoxxi lill-istat Palestinjan wara 40 sena
  • Gvern Laburista ħatar żewġ Presidenzi nisa Marie Louise Coleiro Preca u Myriam Spiteri Debono
  • Saru bosta riformi f’oqsma varji bħall-qasam tal-ġustizzja, is-settur tal-kostruzzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
  • Stabbiltà ekonomika u reżiljenza quddiem l-akbar sfidi ekonomiċi internazzjonali fl-istorja
  • L-ikbar pakkett finanzjarju ta’ €2.25 biljun f’fondi Ewropej.

Fl-isfont tas-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ bħalissa, Gvern Laburista se jkun qed ikompli jkun ta’ serħan il-moħħ għall-familji u n-negozji, l-istess bħalma għamel meta ffaċċja sfidi internazzjonali kbar bħall-Covid, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-gwerra fil-Lvant Nofsani u issa wkoll fil-Golf Għarbi.

Għaż-żmien li ġej, Gvern Laburista huwa kommess li jimplimenta mal-100 miżura bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050 li huma msejsa fuq tliet miri ewlenin. L-għan huwa li pajjiżna jitla’ fost l-ewwel 20 pajjiż fil-Human Development Index tan-Nazzjonijiet Magħquda sal-2035 u fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja sal-2050. Dan jorbot mat-tul tal-ħajja sana u l-kwalitá tal-edukazzjoni. 

Mira oħra hija li sal-2050 tinqabeż il-medja tal-Unjoni Ewropea u nkunu mal-ewwel fl-Ewropa b’rabta mad-dħul medjan disponibbli tal-familji – jew fil-kliem ieħor f’kemm jibqagħlhom flus fil-bwiet tagħhom il-familji tagħna.

It-tielet mira titratta l-benesseri ġenerali tan-nies, fosthom il-kuntentizza, is-saħħa mentali u kemm iħossuhom sodisfatti dwar il-kwalità tal-ħajja l-Maltin u l-Għawdxin bit-tir huwa li nkunu fost l-ewwel 5 fl-UE sal-2050.

In-nies jafu fejn qegħdin ma’ Gvern Laburista, li se jkompli jwettaq dak li jwiegħed u jmur lil hinn minn hekk kif għamel fl-aħħar 13-il sena. Dan għaliex Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jħaddan politika tal-inċentiv bħala moviment progressiv u se jkompli jagħti ċertezza u stabbilità lill-poplu Malti u Għawdxi fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport