Jekk hemm xi ħaġa li tul dawn l-aħħar 13-il sena Gvern Laburista jista’ jiftaħar biha, hija l-bidla tremenda li ġab fl-oqsma soċjali u ekonomiċi. Dan huwa rifless fi tkabbir ekonomiku bla preċedent li kiseb pajjiżna li wassal biex mhux biss jitjiebu imma jiżdiedu wkoll il-benefiċċji soċjali.
Għadna kif niftakru kif fl-ewwel jiem tiegħu, il-Gvern Laburista kellu jitħabat bis-sħiħ biex il-Kummissjoni Ewropea taċċetta u tapprova l-budget li l-Gvern ta’ qabel ma kienx irnexxielu jgħaddi mill-Parlament. Dan f’kuntest fejn pajjiżna kellu żbilanċ enormi finanzjarju tant li tpoġġa fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv li baqa’ anke għal xi żmien wara.
Il-Gvern Laburista imbarka fuq programm sħiħ ta’ riformi li qawwew u saħħew id-demokrazija fl-istesswaqt ukoll li biddlu l-fiżjonomija ta’ pajjiżna ta’ taħt fuq. Beda billi neħħa minn idu l-għażla tal-ġudikatura. Neħħa wkoll mill-Kodiċi l-libell kriminali u b’hekk saħħaħ il-libertà tal-espressjoni u tal-kelma.
Meta pajjiżna kien għaddej minn dan il-progress qawwi, bla dubju kellu jħabbat wiċċu wkoll ma’ sfidi li qatt ma rajna bħalhom qabel fosthom il-mod kif pajjiżna laqa’ għall-pandemija tal-Covid-19. Kuntrarju għal pajjiżi oħra li l-pandemija niżżlithom għarkupptejhom ekonomikament, pajjiżna għaraf kif jilqa’ għal dawn id-daqqiet, kollha billi kien għaqli biżżejjed fis-snin ta’ qabel biex poġġa l-finanzi tal-pajjiż fis-sod b’diversi miżuri baġitarji u fiskali li kien ħa matul is-snin ta’ qabel.
Kien hemm ukoll l-isfidi tal-gwerer li bla dubju wasslu għal inflazzjoni qawwija partikularment fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. F’dawn iċ-ċirkostanzi wkoll, il-Gvern Laburista għażel li jerfa’ u jġorr huwa l-piż u mhux jgħabbih fuq il-poplu. Tant illi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-fjuwils bdew jiġu ssussidjati, b’dan is-sussidju għadu fis-seħħ sal-lum.
F’dan ukoll pajjiżna mhux biss salva l-impjiegi imma ffaċċja s-sitwazzjoni fejn kien hemm aktar impjiegi li għalihom ma kienx hemm ħaddiema biżżejjed.
Bla dubju, f’dinja fejn it-teknoloġija qed tavvanza b’ritmu mgħaġġel ħafna, pajjiżna tpoġġa wkoll fuq ir-rotta diġitali billi investa, kif għadu jagħmel, miljuni kbar biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun aktar diġitalizzata.
F’dawn is-snin ukoll, il-qasam kulturali ngħata spinta anke fil-livell internazzjonali tant li l-festa Maltija ġiet dikjarata mill-UNESCO bħala wirt kulturali intaġibbli tal-umanità.
Dan kollu flimkien juri li tul dawn l-aħħar 13-il sena, il-pajjiż tmexxa fid-direzzjoni t-tajba fis-setturi ekonomiċi, politiċi u soċjali. Biex seta’ jinkiseb dan is-suċċess hekk kbir mhux kollox kien ward u żahar, hekk kif pajjiżna kellu jaffaċċja sfidi li qatt ma kien għadda minnhom qabel. Dan kollu iżda huwa r-riflessjoni ta’ tmexxija reżiljenti u għaqlija ta’ pajjiżna tul dawn l-aħħar snin.

