13-il wirt storiku, li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli, u strutturi storiċi partikolari u li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet ser ikunu qed jibbenefikaw minn restawr permezz ta’ skema maħruġa għas-seba’ sena konsekuttiva mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’konsultazzjoni mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbru l-lokalitajiet li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li din l-iskema għandha l-għan li tivvalorizza l-wirt storiku li jinsab fil-komunitajiet tagħna u li tant hu għal qalb il-familji li joqogħdu fil-lokalitajiet rispettivi.
Huwa spjega li kuntrarjament għas-snin preċedenti, din is-sena ttieħdet deċiżjoni biex jiġu implimentati t-13-il proġett eliġibbli fuq perjodu ta’ sentejn u dan għaliex ġew sottomessi diversi proposti b’saħħithom li kienu jimmeritaw kunsiderazzjoni pożittiva.
“Dan il-gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-ministeru”, tenna l-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr biex iwettqu din l-iskema.
“Permezz ta’ restawr fuq postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna għar-residenti, it-turisti, u turisti lokali li jżuru dawn il-lokalitajiet”, saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Il-kunsilli lokali li ser jibbenefikaw minn din l-iskema huma: ir-Rabat, iż-Żejtun, Ħal Lija, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Kirkop, Ħal Għargħur, il-Fgura, Santa Venera, Ħal Tarxien, Marsaskala, iż-Żurrieq u x-Xgħajra.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti rappreżentanti mid-Direttorat tar-Restawr u mid-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika, kif ukoll is-sindki tat-13-il kunsill lokali.
Informazzjoni addizzjonali:
1. Rabat: Il-faċċata tal-kappella ta’ Santa Marija Madalena u l-istatwa ta’ San Pawl
2. Żejtun: Kappella ta’ San Klement
3. Ħal Lija: Il-Knisja Parrokkjali l-Antika
4. San Ġwann: Kappella Tal-Propostu
5. Ħaż-Żebbuġ: Knisja tal-Madonna tad-Dawl
6. Ħal Kirkop: Salib tad-Dejma
7. Ħal Għargħur: 2 niċeċ dedikati lil San Bartilmew u San Pawl li jinsabu fil-pjazza ewlenija tar-raħal
8. Fgura: Statwa ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja
9. Santa Venera: Torri tal-ilma tal-akwadott
10. Ħal Tarxien: Il-faċċata tal-kappella ta’ San Ġużepp u il-binja tal-Fondazzjoni St. Jeanne Antide
11. Marsaskala: L-istatwa ta’ San Ġwakkin
12. Iż-Żurrieq: Niċċa ta’ San Pawl
13. Xgħajra: Knisja ta’ San Ġakbu