Sunday, December 29, 2024

13 imutu f’għargħar kbar għerrqu bosta bliet u rħula fl-Italja

Aqra wkoll

Għargħar kbar li f’dawn il-jiem ħakmu diversi bliet u rħula tal-Italja ħallew 13-il persuna mejta u għexieren ta’ eluf oħra kellhom jaħarbu minn djarhom. F’sitta u tletin siegħa biss għamlet xita daqs kemm tagħmel f’sitt xhur sħaħ. Ix-xita li niżlet wasslet biex aktar minn 20 xmara nfaqgħu bl-ilma.

Aktar katavri għadhom qed jinstabu wara li kważi kull xmara bejn Bologna u l-kosta tal-Grigal faru. L-għargħar tant kien devastanti li kkawżaw 280 valanga ta’ tajn u bl-ilmiet, ħafna toroq saru xmajjar.

Ħafna qed iqisu dan l-għargħar bħala l-agħar diżastru f’seklu tant li l-ħsara kkawżata hija katastrofika u l-ispejjeż tal-ħsara huma smati li jlaħħqu biljuni ta’ ewro.F’Ravenna, waħda mill-ħafna rħula u bliet mgħerrqa fil-provinċja ta ‘Emilia-Romagna, mhux biss faru x-xmajjar iżda wkoll il-kanali.

Il-Ħamis saru aktar evakwazzjonijiet fil-Punent ta’ Ravenna u nstabu aktar kadavri, fosthom koppja f’appartament fir-raħal ta’ Russi.
Ħafna qed iwissu li l-Italja teħtieġ pjan nazzjonali biex tindirizza l-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-Gvern tal-Prim Ministru Giorgia Meloni sejjaħ laqgħa ta’ kriżi għal nhar it-Tlieta li ġej.

Il-Ministru tal-Protezzjoni Ċivili Nello Musumeci qal li l-kundizzjonijiet tropikali diġà laħqu l-Italja, b’20 ċm xita niżlu f’36 siegħa u f’xi żoni laħqu sa 50cm.
Il-Kap tal-Partit Demokratiku tal-oppożizzjoni tal-Italja qal li d-diżastru li seħħ huwa tort tas-sistema politika u tal-politiċi li ma għamlux biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi maħluqa mit-tibdil fil-klima.

Gvernijiet suċċessivi naqsu b’mod konsistenti milli jindirizzaw il-vulnerabbiltà tal-Italja għall-għargħar u avvenimenti estremi oħra tal-ilma bħan-nixfiet.
Matul il-lejl tal-bieraħ ġew ordnati aktar evakwazzjonijiet fi bliet fil-punent ta’ Ravenna. Ir-residenti f’Villanova ġew ordnati jfittxu kenn fis-sulari ta’ fuq, jum wara li l-ilma ta’ għargħar niżel miċ-ċentru storiku ta’ Lugo li reġgħet ġiet mgħerrqa nhar il-Ħamis kif ukoll Cervi, fuq il-kosta.

Il-Grand Prix tal-Emilia-Romagna f’Imola ta’ tmiem il-ġimgħa tħassar minħabba r-riskju tal-għargħar tax-xmara Santerno fil-viċin. L-operazzjonijiet ta’ salvataġġ rriżultaw diffiċli minħabba li ħafna toroq ġew mgħerrqa u ħafna bliet spiċċaw mingħajr elettriku.

Ħafna fatturi jikkontribwixxu għall-għargħar, iżda meta l-atmosfera tisħon kawża tat-tibdil fil-klima tagħmel xita estrema aktar probabbli. Diġà, id-dinja saħnet madwar 1.1C minn meta bdiet l-era industrijali, u t-temperaturi se jkomplu jogħlew sakemm il-gvernijiet madwar id-dinja jibqgħu ma jagħmlu xejn biex inaqqsu b’mod qawwi l-emissjonijiet.

Ekonomija

Sport