Wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet investiment bla precedent fil-kwalità tal-ilma li jasal id-dar u wara li l-Ministeru għall-Enerġija nedha skema għal min jinvesti f’sistemi ta’ filtrazzjoni t’ilma, fl-aħħar jiem 13,000 familja rċievew voucher ta’ €100. Dan bil-għan li familji vulnerabbli wkoll ikunu jistgħu jagħmlu l-qalba ambjentali u jevitaw il-fliexken tal-plastik.
IT-TORĊA tinsab infurmata li dawn il-vouchers wasslu għand il-familji u wħud minnhom diġà bdew jissarrfu wkoll mingħand ħwienet li huma rreġistrati mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. Il-lista ta’ dawn il-ħwienet li qegħdin jieħdu sehem f’ din l-iskema hija disponibbli fuq is-sit waw.com.mt. Għal aktar informazzjoni jew għajnuna, wieħed jista’ jċempel fuq 2295 5000 jew 153 (ext. 16). L-iskema tal-vouchers hija ffinanzjata mill-Climate Action Authority u tgħin lill-familji vulnerabbli biex jiffrankaw il-fliexken tal-plastik u jagħmlu użu mill-ilma tal-vit. Il-benefiċjarji huma l-persuni li jirċievu l-benefiċċju tal-enerġija ħalli kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fl-isforz kollettiv għal ambjent aħjar billi nippromwovu l-ekonomija ċirkolari.
Investiment sħiħ fl-infrastruttura tal-ilma
F’kummenti lil dan il-ġurnal il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, laqgħet ukoll il-konkorrenza tal-pubblika għall-iskema tar-REWS. Permezz ta’ inċentiv ġdid, kull min jixtri carbon filter, jista’ jgawdi minn rifużjoni ta’ 60% tal-ispiża, sa massimu ta’ €100. Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tinsab ukoll fuq waw.com.mt.
“Għax qegħdin ninvestu bis-sħiħ fl-infrastruttura tal-ilma llum n-nies qegħdin igawdu minn ilma tal-vit tal-ogħla kwalità. Nifhmu iżda li t-togħma hija kwistjoni suġġettiva u għaldaqstant qegħdin noffru inċentiv f’forma ta’ refund għal min jinstalla sistemi ta’ filtrazzjoni. Il-pubbliku qed jirrikorri għaliha u għalhekk xtaqna nassiguraw li kulħadd ikun parti minn din il-qalba. Għalhekk qed ngħinu wkoll lill-aktar vulnerabbli,” spjegat il-Ministru Dalli.
Flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, ngħata bidu wkoll proġett pilota f’20 lokalità ta’ mobile RVMs biex jassisti lill-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u lil min għandu l-Blue Badge.
B’sistema ta’ bookings vetturi ta’ CleanMalta, mgħammra b’magna li tieħu kontenituri tax-xorb, qegħdin iduru d-djar biex l-anzjani jkunu jistgħu jsarrfu l-fliexken mingħajr il-ħtieġa li jmorru huma stess. Il-lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-proġett pilota huma: il-Marsa, il-Kalkara, Ħal Għaxaq, il-Gudja, l-Imqabba, il-Qrendi, Birżebbuġa, l-Isla, il-Birgu, il-Belt Valletta, Bormla, Raħal Ġdid, il-Ħamrun, Ħal Lija, Ħal Balzan, Santa Luċija, Ħal Luqa, il-Furjana, Tal-Pietà u Gwardamanġa.
Il-lokalitajiet intgħażlu abbażi ta’ numru ta’ kunsiderazzjonijiet, fosthom id-demografija tal-lokalità.