Sunday, November 24, 2024

14-il persuna mietu wara li ajruplan iġġarraf fl-Amażonja fil-Brażil

Aqra wkoll

Erbatax-il persuna mietu s-Sibt meta ajruplan iġġarraf fl-Amażonja fil-Brażil waqt li kien qed jipprova jinżel f’maltemp qawwi fil-belt turistika ta’ Barcelos. Sfortunaament ħadd ma rnexxielu jsalva f’dan l-inċident.

“Il-bdot ta’ dan l-ajruplan żgħir kien qed joqrob lejn l-imsemmija belt f’xita qawwija u b’viżibilità baxxa u deher jinżel f’nofs ir-runway,” qal is-Segretarju tas-Sigurtà tal-Istat tal-Amażjon Vinicius Almeida f’konferenza tal-aħbarijiet. 

L-ajruplan spiċċa biex kraxxja bil-konsegwenza li mietu t-12-il passiġġier u ż-żewġ membri tal-ekwipaġġ abbord. “L-ewwel investigazzjonijiet indikaw li l-passiġġieri kienu kollha Brażiljani li kienu qed jivvjaġġaw lejn ir-reġjun għal sajd sportiv,” qal il-Gvern tal-pajjiż fi stqarrija.

“It-timijiet tagħna ilhom fuq l-art jirrispondu mill-mument tal-ħabta biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ,” kiteb il-Gvernatur Wilson Lima fuq il-pjattaforma soċjali X, li qabel kienet magħrufa bħala Twitter. “Nesprimi solidarjetà mal-familjari u ħbieb tal-vittmi.”

Sport