Rumen kien ikkundannat 14-il sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri l-involviment tiegħu fi grupp li kien jittraffika d-droga.
Ion Palade ammetta li f’Marzu li għadda u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, assoċja ruħu ma’ persuni oħra bl-iskop li jittraffikaw il-kannabis u li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga.
Palade kien arrestat fi blokka ta’ appartamenti f’Tal-Pietà fejn il-Pulizija sabet 10 kilogrammi ħaxixa tal-kannabis b’valur fis-suq ta’ madwar €150,000. Miegħu kien ġew arrestati tliet persuni oħra li l-każ tagħhom għad irid jinqata’.
F’Settembru li għadda, Palade wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u d-Difiża jaqblu dwar il-piena li kellha tiġi imposta.
Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkunsidrat l-fedina penali tal-akkużat, l-ammissjoni tiegħu u n-natura serja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti qieset ukoll li l-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u d-Difiża fir-rikors konġunt tagħhom tas-17 ta’ Settembru li għadda, hija waħda fil-parametri tal-liġi.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li sabet lil Palade ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu 14-il sena priġunerija kif ukoll multa ta’ €15,000.