Spanjola ta’ 20 sena kienet ikkundannata 14-il sena u sitt xhur ħabs wara li ammettiet flok għaddiet ġuri li f’Settembru ta’ tliet snin ilu daħħlet f’pajjiżna aktar minn disa’ kilogrammi kokaina.
Hija kienet arrestata flimkien ma’ mara oħra ta’ 27 sena mal-wasla tagħhom b’titjira minn Madrid. Minn dak li ħareġ fil-Qorti jirriżulta li d-drogi kienu nstabu f’qiegħ falz ta’ bagalja.
Martha Chanelys Liranzo Duval kienet mixlija b’importazzjoni, assoċjazzjoni, traffikar u li kellha fil-pussess tagħha d-droga kokaina, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha.
Hija wieġbet ħatja għal dawn l-akkużi. Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, minbarra li kkundannatha l-imsemmija piena, immultatha €20,000. Hija kienet ordnata wkoll biex tħallas is-somma ta’ €5,955 fi spejjeż tal-Qorti.
Finalment, il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-flejjes jew proprjetà mobbli u immobbli oħra tal-ħatja, u anke li tinqered id-droga esebita.