Thursday, December 26, 2024

1,400 siġra u arbuxell għal tliet toroq fin-Naxxar

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed tniedi proġett biex issebbaħ Triq Margaret A. Murray, Triq Andrea Debono u Triq Jean Houel fin-Naxxar b’400 siġra u 1,000 arbuxell.

Biswit dawn it-tliet toroq prinċipali li jmissu ma’ xulxin, bejn Triq tal-Balal fit-tarf tan-Naxxar u r-roundabout tat-Telgħa T’Alla u Ommu, hemm toroq residenzjali twal b’ringieli ta’ djar u appartamenti. Illum (l-Erbgħa), Infrastructure Malta qed tibda tneħħi partijiet mill-kurduna tal-konkos li tissepara t-tliet toroq ewlenin minn dawk residenzjali maġenbhom biex tibni 1.6 kilometri ta’ konok.

Wara li jimlew dawn il-konok bil-ħamrija, il-kuntratturi se jħawlu fihom siġar taż-żebbuġ, ballut, ċipress u żnuber, kif ukoll diversi speċi t’arbuxelli indiġeni, fosthom deru u żebbuġija. Infrastructure Malta se tibqa’ ssaqqi u tieħdu ħsieb dawn is-siġar u arbuxelli, biex jikbru u jiffurmaw strixxa ħadranija bejn it-tliet toroq prinċipali u t-toroq residenzjali biswithom. Dan se joħloq ambjent isbaħ b’siġar u arbuxelli li jisseparaw r-residenzi mit-toroq ewlenin quddiemhom filwaqt li jgħin biex itaffi l-istorbju tal-karozzi u jtejjeb il-kwalità tal-arja għal mijiet ta’ familji. 

Infrastructure Malta iddisinjat il-proġett b’mod li x-xogħlijiet ta’ tisbiħ isiru fl-ispazju eżistenti tat-triq, bla ma jitnaqqsu l-ispazju li diġà hemm għall-parkeġġ, il-bankini, il-punti ta’ qsim għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi u l-korsiji għall-vetturi. Ix-xogħlijiet ser jitqassmu f’fażijiet tul dawn it-tliet toroq, biex ikunu jistgħu jsiru b’mod sigur, mingħajr il-ħtieġa li jingħalqu l-korsiji jew jinħolqu diffikultajiet għar-residenti u għal dawk li jivjaġġaw fl-inħawi.

Infrastructure Malta ħawlet 22,162 siġra f’Malta u Għawdex matul l-2021, medja ta’ 60 siġra kuljum.

Minn meta tnieda fis-sajf tal-2019, il-programm nazzjonali ta’ afforestazzjoni tal-aġenzija diġà żied aktar minn 42,000 siġra u 38,000 arbuxell f’postijiet urbani u rurali differenti madwar il-pajjiż. Infrastructure Malta qed tqabbad ukoll kumpaniji speċjalizzati f’dan il-qasam biex ikomplu jsaqquhom u jieħdu ħsieb il-kura tagħhom għal diversi snin, sakemm jaqbdu tajjeb fl-ambjent ġdid tagħhom. F’każ li s-siġar jiġu vandalizzati jew jinsterqu, inkella jmutu, l-aġenzija tħawwel oħrajn minflokhom.

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Ekonomija

Sport