Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) Jeffrey Pullicino Orlando, nieda programm għal żmien il-Milied u għall-ewwel tas-sena bejn it-18 ta’ Diċembru u s-6 ta’ Jannar, mimli b’attivitajiet tal-Milied li jolqtu l-gosti tal-familja kollha għal waqt il-vaganzi tal-Milied fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora.
Id-dħul għal dawn l-attivitajiet għat-tfal sa 15-il sena se jkun kompletament b’xejn.
Il-Ministru Bonnici saħaq li hu kruċjali li nressqu lit-tfal lejn ix-xjenzi b’mod divertenti u sabiħ u sostna li dawn l-attivitajiet jibnu rabta sabiħa bejn il-ġenerazzjonijiet li telgħin u dan is-settur importanti għas-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li l-ikbar ringrazzjament għandu jmur lejn it-tmexxija u l-ħaddiema kollha t’Esplora għall-ħidma eċċellenti li jwettqu.
L-attivitajiet li se jittellgħu f’dan il-perjodu huma varji iżda għandhom fil-bażi tagħhom ix-xjenza u oqsma relatati, pereżempju l-użu tal-matematika u l-prinċipji tas-simetrija, informazzjoni dwar l-enerġija u tagħrif dwar innovazzjonijiet diġitali oħra.
Waqt it-tnedija ta’ dawn l-inizjattivi preparati minn Esplora għal dan iż-żmien ta’ festi, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, spjega li f’Esplora x-xjenza tingħata xejra differenti hekk kif tiġi marbuta ma’ tradizzjonijiet kulturali. Qal li, “Ir-raġuni ewlenija li Esplora tinvesti f’attivitajiet bħal dawn hu li nqanqlu l-kurżità. Dan jgħinna sabiex l-għarfien fix-xjenza nagħmluh interessanti u relevanti għall-pubbliku li jżurna”.
Il-Planetarium f’Esplora se jkollu wkoll spettaklu dwar il-Milied. Dawk preżenti jistgħu jgawdu ‘Wonders of the Night Sky: Christmas Edition’ u min jattendi jista’ jsir jaf x’inhuma jagħmlu l-astronawti fuq l-ISS kif ukoll jidħlu fl-opportunità biex igawdu s-sema kif se tkun tidher lejliet il-Milied.
L-attivitajiet kollha mtellgħin ser isegwu l-protokolli u l-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Għal iktar dettalji wieħed jista’ jidħol fuq https://esplora.org.mt/opening-hours/ u http://esplora.org.mt/week-schedule.