Qegħdin ikunu salvati 15 il-kelb u 10 qtates fil-ġimgħa. Santwarji tal-annimali mimlijin u ma jistgħux jaċċettaw aktar anninmali. Imma realment x’ifisser dan? Kibret il-problema tal-abbandun ta’ pets?
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ddikjarat li “sfortunatament l-abbandun tal-annimali minn sidien irresponsabbli dejjem kien hemm. B’xorti tajba għandna ħaddiema fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li huma dedikati mmens, minn dawk li joħorġu fuq barra bl-ambulanzi sal-ħaddiema u l-voluntiera li jieħdu ħsieb l-istess annimali. Hija għafsa ta’ qalb għalina meta jidħol rapport li hemm kelb jew qattus abbandunati u, għalhekk, flimkien mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, nniedu diversi kampanji ta’ għarfien sabiex l-irresponsabbiltà ta’ dawn is-sidien innaqqsuh.”
Qalet ukoll; “Huwa importanti li meta persuna tagħżel li jkollha pet, tifhem dan x’jirrikjedi u li din l-għażla hija għal ammont sostanzjali ta’ żmien. Inħeġġeġ ukoll biex jekk wieħed ikun se jagħmel il-pass sabiħ li jdaħħal pet f’ħajtu, jagħżel li jaddotta annimal sabiex jagħti ċans ta’ familja lill-kelb li jisfa’ abbandunat. Infakkar li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali għaddej b’ħidma tajba ħafna sabiex jippromwovi l-addozzjoni permezz tas-sit www.adoptapet.gov.mt”.
Ta’ min jgħid li din is-sena, id-Dipartiment għal Ħarsien tal-Annimali żied sostanzjalment l-investiment tagħha biex tiżgura li l-annimali jieħdu ħsiebhom tajjeb. Kien meħtieġ aktar reklutaġġ ta’ ħaddiema peress li d-domanda żdiedet sostanzjalment.
Minn madwar 7,000 telefonata fis-sena 2023, id-Dipartiment irċieva madwar 15,000 telefonata fis-sena 2024. It-talbiet kienu jsiru fuq in-numru 1717, li issa ġie trasferita għal 153 (estensjoni numru 17). Is-sejħiet kienu jvarjaw b’nies li jitolbu għajnuna, rapporti dwar it-trattament ħażin tal-annimali flimkien, u ħafna talbiet għal informazzjoni dwar servizzi pprovduti mill-Animal Welfare.
Minn dawn is-sejħiet kollha, 3,600 kienu talbiet għall-assistenza biex jistħarrġu dwar annimali li jintilfu jew fil-periklu, li minnhom ġew salvati aktar minn 1,300 qattus u kelb. Biex tkun tista’ tagħti dan is-servizz u tilħaq kemm jista’ jkun annimali f’qasir żmien, id-Dipartiment kellu jinvesti wkoll f’2 ambulanzi ġodda.
Ilu għaddej ukoll taħriġ biex jiġi żgurat li jingħata l-aħjar servizz ta’ salvataġġ mid-Dipartiment.