Monday, April 29, 2024

15-il xahar ħabs wara li nstabet fil-pussess tad-droga

Aqra wkoll

Mara ta’ 23 sena kienet ikkundannata 15-il xahar ħabs wara li nstabet ħatja li nhar is-27 t’Awwissu 2019 kellha d-droga kannabis fil-pussess tagħha, liema sustanza nstabet li ma kinitx għall-użu personali tagħha.

Marzia Marimar Maatouk instabet ħatja wkoll li kkommettiet dan ir-reat madwar 100 metru ‘l bogħod minn skola, club jew post simili fejn normalment jiffrekwentaw iż-żgħażagħ.

Fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija kienet daħlitilhom informazzjoni li ċertu Jomic Calleja seta’ kellu xi droga. Sussegwentement, il-Pulizija interċettat lil Calleja f’Birkirkara u miegħu fil-karozza kien hemm l-imputata.

Wara li twaqqaf mill-pulizija, Calleja ġie infurmat li kien taħt arrest u minn tfittxija li saret fil-karozza nstabu żewġ basktijiet, li kien fihom id-droga. Fil-karozza nstabu numru ta’ mobiles u anke ipad. Minn analiżi li saret mill-esperti jirriżulta li b’kollox kienu nstabu mat-340 gramma kannabis.

Skont is-Social Inquiry Report li ġie mħejji mill-Probation Officer, irriżulta fost l-oħrajn li l-imputata kienet dipendenti fuq żewġha għall-għajxien tagħha minħabba nuqqas ta’ responsabbiltà lejn l-impjieg. Però, l-iktar fattur inkwetanti minn dan ir-rapport huwa d-dipendenza ta’ Maatouk fuq il-kannabis u li l-imputata qatt ma fittxet l-għajnuna biex tegħleb din id-dipendenza.

Il-Qorti, wara li semgħet il-provi li tressqu quddiemha, qalet li tinsab konvinta li l-Prosekuzzjoni ppruvat il-każ tagħha sal-grad rikjest fil-kamp penali.

Kien għalhekk li l-Qorti filwaqt li sabitha ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, ikkundannatha 15-il xahar ħabs u €1,000 multa, bl-ewwel pagament għandu jsir mhux aktar tard minn xahar mid-data li fiha l-ħatja tiskonta l-piena ta’ ħabs.

F’każ li tonqos milli tħallas xi wieħed mill-pagamenti, il-bilanċ jiġi dovut minnufih u jiġi konvertit f’piena ta’ priġunerija.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ 15-il xahar, fejn l-imputata se tkun trasferita f’istituzzjoni rrakkomandata mill-Uffiċjal tal-Probation sabiex tegħleb id-dipendenza fuq il-kannabis.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Marshall Mallia.

Sport