Bejn Jannar u Marzu 2025 saru total ta’ 10,526 vjaġġ, li ġarrew total ta’ 1,529,105 passiġġieri. Marzu kien l-aktar xahar impenjattiv meta fih saru total ta’ 3,856 vjaġġ jew 36.6 fil-mija tal-vjaġġi kollha fʼdan il-perjodu. Dan ħareġ minn statistika li ġiet ippubblikata mill-NSO.
It-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa
L-istatistika tgħid li bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kien hemm total ta’ 1,314,294 passiġġier ivvjaġġaw fl-ewwel kwart tal-2025, żieda ta’ 1.5 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2024. L-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Marzu – 524,764 jew 39.9 fil-mija tat-total għat-trimestru. Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi żdied bʼ1.7 fil-mija għal total ta’ 472,813.
Fl-ewwel kwart tas-sena, l-għadd ta’ vjaġġi laħaq it-8,213, li huwa żieda taʼ 4.4 fil-mija fuq l-istess żmien fl-2024. FʼMarzu kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ vjaġġi – 3,083 jew 37.5 fil-mija tal-vjaġġi totali għat-trimestru.
Bejn Jannar u Marzu 2025, fil-Ħdud u t-Tnejnijiet kien hemm l-aktar traffiku ta’ passiġġieri u vetturi li oriġinaw mit-terminal tal-Imġarr. Min-naħa taċ-Ċirkewwa, it-traffiku tal-passiġġieri kien l-aktar fil-jiem tas-Sibt u l-Ġimgħa, filwaqt li dak tal-vetturi kien l-aktar il-Ġimgħa u s-Sibt.
It-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta
Matul l-ewwel kwart tal-2025, saru total ta’ 2,313-il vjaġġ li ġarrew total ta’ 214,811-il passiġġier. Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2024, l-għadd ta’ vjaġġi żdied bi 33.3 fil-mija, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied bʼ37.5 fil-mija. Ix-xahar taʼ Jannar irreġistra l-ogħla numru ta’ vjaġġi – 785 jew 33.9 fil-mija, filwaqt li Marzu rreġistra l-ogħla numru ta’ passiġġieri – 80,885 jew 37.7 fil-mija – fl-ewwel kwart tas-sena.