Sunday, December 22, 2024

16-IL JUM TA’ ATTIVIŻMU KONTRA L-VJOLENZA

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, mill-25 ta’ Novembru (il-Jum Internazzjonali għat-Twaqqif tal-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Bniet) sal-10 ta’ Diċembru (il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem) jiġu osservati globalment 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza u l-vjolenza sessista.

Sfortunatament dawn il-ġranet ta’ osservazzjoni globali ħabtu preċiżament ftit ġranet wara l-każ ta’ vittma ta’ vjolenza domestika. Il-każ tal-omiċidju ta’ Bernice Cassar mill-allegat qattiel, li jiġi żewġha Roderick wara perjodu ta’ theddid u inġurja kemm lill-vittma, martu u kemm lill-qraba u ħbieb tagħha. 

Minbarra l-vjolenza domestika bejn il-koppji teżisti wkoll dik fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk dis-sena, il-Kumitat Dinji tan-Nisa tal-UNI (UNI Europa) talab li dawn is-16-il jum ta’ attiviżmu jiffokaw fuq il-vjolenza minn partijiet terzi bl-isem “Breaking the Circle” – Vjolenza minn Terzi li tfisser vjolenza mwettqa mill-klijenti, pazjenti, fornituri tas-servizzi, eċċ., relatati mal-posta tax-xogħol. Vjolenza li  jista’ jkollha konsegwenzi serji għall-ħaddiema fis-setturi kollha.

Minn assenteiżmu għal telf ta’ impjegati mill-kumpanija, telf ta’ produttività u dħul finanzjarju; il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol jolqotna lkoll.

Matul dawn is-16-il jum irridu ningħaqdu lkoll flimkien kemm mil-lat politiku kif ukoll bħala trejd unjins biex inħaddmu l-għodod tagħna biex nipproteġu lill-ħaddiema kollha minn kull forma ta’ vjolenza u fastidju fid-dinja tax-xogħol.

Il-vjolenza għandha impatt serju fuq is-saħħa mentali. Impatt fit-tul.

Minn disturbi ta’ stress post-trawmatiku għal dipressjoni u ansjetà, il-vjolenza jkollha impatt fuq il-benessri tagħna u tagħmilna wkoll aktar suxxettibbli għall-użu tas-sustanzi. Il-vjolenza fuq il-post tax-xogħol tnaqqas il-potenzjal tagħna u tillimita l-produttività u l-kontribuzzjonijiet tagħna lill-komunitajiet tagħna.

Anke fil-każ tal-ħaddiema LGBTIQ. Ma għandhomx isofru aktar diskriminazzjoni fuq ix-xogħol minħabba l-orjentazzjoni jew l-identità sesswali tagħhom. Dawn ivarjaw minn differenza fil-paga għal fastidju fuq il-post tax-xogħol, minn trattament inġust fuq ix-xogħol sa diskriminazzjoni meta persuna LGBTIQ tapplika għal impjieg. 

Il-vjolenza U L-fastidju fid-dinja tax-xogħol iseħħu kullimkien – onlajn, fuq il-post tax-xogħol, matul l-ivjaġġar, waqt il-brejk, f’xi ħarġiet bejn il-ħaddiema, eċċ.

F’Ġunju tal-2019, waqt il-Konferenza tal-ILO (International Labour Organization) ġiet adottata għodda internazzjonali innovattiva biex titwaqqaf il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol – il-Konvenzjoni 190 (C190) u r-Rakkomandazzjoni 206 (R206). Din l-għodda innovattiva tipproteġi lill-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus tax-xogħol; tkopri s-setturi kollha u tipproteġi lill-ħaddiema anke barra d-dinja tax-xogħol attwali, jiġifieri anke f’laqgħat, ħruġ mal-kollegi tax-xogħol, eċċ.

Il-Konvenzjoni 190 tipprovdi għodda b’saħħitha biex niġġieldu l-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol. Irridu naħdu flimkien biex l-istati membri jirratifikaw din il-Konvenzjoni u jagħmluha liġi nazzjonali.

Ekonomija

Sport