Sunday, October 19, 2025

16-il xahar ħabs u multa wara li nstab ħati fuq pussess ta’ kokaina mhux għall-użu personali

Aqra wkoll

Ronaldo Cassar ta’ 26 sena ammetta fil-Qorti l-akkużi kollha kontrih fosthom li nqabad bi 11-il pakkett kokaina f’Paceville li ma kienux għal użu personali tiegħu. 

Il-każż kien seħħ fil-15 ta’ April tal-2018 meta Cassar kien ġie arrestat hekk kif il-pulizija tal-Iskwadra Kontra d-Droga, wettqu spezzjoni fil-klabb Havana f’Paceville.

Wara tfittxija fuq il-persuna tiegħu, il-Pulizija sabulu 11-il pakkett bi trab abjad fil-parti privata tiegħu.

Il-Qorti kkundannat lil Cassar 16-il xahar ħabs u anke multa wara li kkundistrat anke l-kundizzjoni mentali tiegħu u qieset li hu ikkollabora mal-Pulizija

Gilbert Mercieca, l-espert tal-Qorti fix-xhieda tiegħu qal li minn eżamijiet li għamel s-sustanza kienet kokaina ta’ purità ta’ 73.31%, b’piż totali ta’ 3.225 gramma u valur stimat fis-suq ta’ €576.79. 

L-imputat meta kien qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulizija kien qal li d-droga ma kinitx tiegħu, iżda kien qiegħed iżommha lil xi ħadd għal ftit ħin.

Wara li kien ġie rrilaxxat mill-arrest, l-għada hu reġa’ mar l-għassa tal-pulizija minn jeddu fejn stqarr li dik id-droga kienet ta’ Christian Farrugia. Cassar kien ta wkoll stqarrija ġuramentata quddiem Maġistrat, li wasslet sabiex Farrugia jitressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mat-traffikar.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone li kien beda jmexxi hu l-prosekuzzjoni dakinhar, kien ikkonferma li Cassar kien ikkopera bi sħiħ mal-pulizija u bl-informazzjoni li għadda tant kienet kruċjali li nfetħu proċeduri oħra. Huwa rrimarka wkoll li l-imputat kellu jibbenefika mill-Artikolu 29 tal-Kapitolu 101, li jippermetti tnaqqis fil-piena għal min jikkollabora mal-awtoritajiet.

Il-proċess fil-Qorti dam daqshekk minħabba problemi mentali li beda jsofri bihom l-imputat tant li rapport mediku mill-Isptar Monte Carmeli, ippreżentat mir-rappreżentant Atilo Agius, ikkonferma li Cassar kien rikoverat għal trattament f’Ottubru 2024.

Kien f’Mejju ta’ din is-sena li Cassar ammetta l-akkużi kontrih. 

Il-Qorti qieset li Cassar kien żagħżugħ ta’ 19-il sena meta twettaq ir-reat, li kollabora mal-awtoritajiet u li qiegħed taħt kura psikjatrika attiva. 

Cassar fuq ammissjoni tiegħu nstab ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu għall-piena ta’ 16-il xahar priġunerija effettiva, kif ukoll multa ta’ €1200, li tista’ titħallas b’rati mensili u konsekuttivi ta’ €100.

F’każ li l-ħlas ikun se isir b’rati mensili, il-multa mposta għandha titħallas fi żmien 13-il xahar u l-ewwel pagament għandu jsir fi żmien xahar mid-data tas-sentenza, b’dana li jekk il-ħati jonqos milli jħallas pagament wieħed, l-ammont sħiħ jew kwalunkwe bilanċ rimanenti jiġi dovut minnufih u jekk dan ma jitħallasx jiġi konvertit fi priġunerija skond il-liġi.

Il-Qorti ordnat lil Cassar sabiex iħallas nofs l-ispejjeż konnessi mar-relazzjoni tal-espert ix-Xjenzat Gilbert Mercieca, liema spejjeż jammontaw għal €460.20 u għalhekk l-imputat qiegħed jiġi ordnat iħallas l-ammont ta’ €230.10.

Dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-ħati fi żmien erba’ xhur. Peress illi mill-atti jirriżulta li hemm proċeduri kriminali oħra pendenti kontra terza persuna in konnessjoni mal-istess fatti, mhux se tkun qegħda tordna ddistruzzjoni tad-droga eżebita.

Għal Cassar deher l-Avukat Jacob Magri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Frank Anthony Tabone u Mark Mercieca.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport