Friday, December 20, 2024

16-il xahar ħabs wara li seraq biex ikollu x’jiekol

Aqra wkoll

Raġel bi problema tax-xorb kien ikkundannat sena u erba’ xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq minn vetturi pparkjati waqt li kien fis-sakra u għamel dan għaliex kellu l-ġuħ.

Nayin Mohammed Duhhan ta’ 27 sena kien mixli b’żewġ akkużi ta’ serq aggravat, attentat ta’ serq u li għamel ħsara f’diversi vetturi. Huwa kien mixli wkoll li kien fis-sakra f’post pubbliku u li għex ħajja ta’ għażz u vagabondaġġ. 

Fil-Qorti ħareġ li fis-sigħat bikrin tat-22 ta’ Settembru 2021, l-imputat kien żgassa l-bibien ta’ diversi vetturi pparkjati biex jisraq minn ġo fihom u b’hekk ikkaġuna diversi ħsarat għad-dannu ta’ dawn il-vetturi.

Waħda mill-vittmi kienet qalet li għamlet rapport lill-pulizija wara li sabet l-karozza tagħha bil-bieba llievata ‘l barra u l-affarijiet ġewwa maqlubin kollha. Hija għamlet ukoll claim mal-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħha.

Fl-istqarrija li kien ta lill-pulizija, huwa ammetta li kien il-persuna li tidher fil-filmat jiftaħ bieba ta’ vettura u ammetta wkoll li għamel ħsara fuq erba’ vetturi oħra f’Birżebbuġa.

Huwa qal li għamel dan biex jara jekk il-vetturi kienx fihom il-flus għaliex kellu l-ġuħ u ma kellux flus iżda insista li huwa seraq flus żgħar u mhux karti u nnegat li kien seraq tablet minn waħda mill-vetturi. 

Stqarr iżda li kien fis-sakra u li ma jifakarx x’seraq mill-vetturi li għamlilhom il-ħsara. Huwa għażel li jixhed fil-Qorti u kkonferma l-istess verżjoni li kien ta waqt l-interrogazzjoni. Huwa afferma li kien lest li jagħmel tajjeb għall-ħsara li għamel. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello nnotat li l-imputat ilu jgħix hawn Malta mill-14 ta’ Ottubru 2020 u għandu fedina penali netta. Innotat ukoll li huwa ammetta l-ħtija tiegħu minnufih u kkopera bis-sħiħ mal-pulizija u li lest jagħmel tajjeb għall-ħsara.

Minkejja dan huwa qatt ma ammetta l-ħtija tiegħu formalment u l-Qorti kellha tisma’ x-xhieda kollha mressqa f’kawża li damet għaddejja disa’ xhur li fihom huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-Qorti qalet li l-imputat wettaq dawn ir-reati meta kien maħkum mill-vizzju tax-xorb u kien qed jixrob ammont sostanzjali ta’ alkoħol iżda waqt li kien qed jiġi detenut fil-ħabs, huwa għamel programm ta’ rijabiliatzzjoni kontra l-problema tal-alkoħol u għamel użu minn servizzi ta’ saħħa mentali. Dan kien ikkonfemat minn uffiċjal tal-ħabs li l-imputat qatt ma rriżulta pożittiv għal sustanzi fil-ħabs u li l-imġiba tiegħu hi tajba u netta. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li ma tistax twarrab il-gravità tar-reati mwettqin mill-imputat u l-fatt li huwa wettaq dawn ir-reati u kkaġuna telf u danni lil ħaddieħor biex imantni lilu nnifsu u l-vizzju tax-xorb li kellu.

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu piena ta’ 16-il xahar priġunerija effettiva. 

Il-Qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ trattament għal 18-il xahar sabiex jegħleb il-vizzju tax-xorb alkoħoliku. Fl-istess waqt ordnatlu wkoll biex iħallas is-somma ta’ €1,348 f’danni lill-vittmi li jridu jitħallsu fi żmien tmien xhur mid-data meta tiġi skontata l-piena ta’ priġunerija.

Ekonomija

Sport