Wayne Delia ta’ 39 sena residenti Raħal Ġdid ġie kkundannat 16-il xahar ħabs għax instab ħati fost l-oħrajn, li f’Mejju, 2020, weġġa’ gravi lil raġel waqt argument fil-Komunità ta’ Santa Marija, f’Ħal Faruġ.
Huwa darbu meta tah daqqa ta’ mug f’wiċċu. Ir-raġel instab ħati wkoll li wettaq serqa.
Il-vittma fix-xhieda tiegħu qal li kien qiegħed jara t-tteleviżjoni ma’ xi residenti oħrajn. Hu u l-akkużat marru fil-kċina biex jagħmlu te, u kien hawn li beda argument. Marru lura quddiem it-televiżjoni u għal ftit l-argument kien waqaf, iżda f’daqqa waħda l-imputat qam u tah daqqa ta’ mug f’wiċċu.
Il-vittma kellu bżonn xi punti f’wiċċu minħabba l-ferita li sofra. It-tobba qalu li waħda minnhom kienet ta’ żewġ ċentimetri.
Minkejja dan, il-vittma, stqarr li xtaq jaħfer lill-imputat u li ma riedx li l-proċeduri jitkomplew kontrih.
Il-prosekuzzjoni akkużat ukoll lil Wayne Delia li fl-2019 seraq karozza minn Raħal Ġdid. Il-karozza kienet instabet f’kundizzjoni ħażina jumejn wara fosthom kien hemm batterija u xi għodda neqsin. Dwar dan, il-Qorti, osservat li fuq il-karozza kien hemm marka ta’ saba’ tiegħu u għalhekk rabtet is-serqa mal-imputat.
Dwar l-akkuża li kien seraq karozza oħra mill-istess lokalità, il-Qorti qalet li ma kinitx qed issib lill-imputat ħati minħabba li am kienx hemm biżżejjed provi li jorbu lill-imputat ma’ dan ir-reat.
Wara li qieset kollox il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabet ħati lill-akkużat u bagħtitu 16-il xahar ħabs. Ma’ dan, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €1,000 b’rabta ma’ depożitu ta’ ħelsien mill-arrest minn kawżi oħra. Huwa ġie ordnat iħallas €533 fi spejjeż tal-Qorti.