Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanita Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li b’investiment ta’ €155,000 fis-sena madwar 1,600 persuna ser jibdew jibbenefikaw mill-użu tal-Epipen b’xejn għal pazjenti bi problemi ta’ alerġiji serji.
Il-Ministru Abela qal li Epi-Pen hija mediċina kruċjali li għandha l-epinefrina. intqal kif din il-mediċina tintuża minn tfal sa adulti li jistgħu jesperjenzaw reazzjoni allerġika qawwija, magħrufa bħala anafilassi, ikkawżata minn ikel, mediċina jew tingiża ta’ insetti fost oħrajn u f’ċerti każi, l-anafilassi tista’ tikkawża l-mewt. Mediċina li tqum ħafna flus iżda li hija neċessarja, tant li xi persuni jkollhom iġorru waħda magħhom kull fejn imorru.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li permezz ta’ dan it-tagħmir mediku, persuni li jesperjenzaw reazzjoni allerġika qawwija se jkunu jistgħu jilqgħu għaliha b’miżura li permezz tagħha se tissaħħaħ is-sigurtà u l-aċċess għal kura.
“Dan huwa pass importanti ieħor, anzi rivoluzjonarju li huwa turija ta’ kemm il-gvern jieħu bis-serjeta il-kwalita’ tal-ħajja u l-ħajja ta’ kull individwu fis-soċjeta tagħna. Għalhekk kull ma jmur, Il-Gvern komess li jkompli jintroduċi mediċini fil-formularju tal-gvern għal ġid tal-pazjenti Maltin u Għawdxin”, temm jgħid Dr Abela.

