Saturday, December 21, 2024

17-il każ ġdid li 7 minnhom huma trasmissjonijiet lokali … Charmaine Gauci: “Nistennew li n-numru jibqa’ tiela’”

Aqra wkoll

In-numru ta’ persuni li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 issa tela’ għal 107 każi, wara li f’dawn l-aħħar sigħat ġew konfermati 17-il każ ieħor.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubbliku l-Prof charmaine Gauci qalet li għaxra minn dawn il-każi huma każi marbutin ma’ infezzjonijiet importati minn barra, b’sebgħa każi ta’ trasmissjonijiet lokali.

Il-Prof Gauci qalet li “nistennew li n-numru jibqa’ tiela’.” Fl-istess waqt saħqet li l-għan tal-awtoritajiet tas-saħħa huwa li n-numru ta’ każi ġodda jiġi kkontrollat. Hija żiedet tisħaq li wieħed issa jistenna tnaqqis f’dawk il-każi ta’ infezzjonijiet relatati ma’ safar minħabba li kull vjaġġar issa effettivament twaqqaf.

L-10 każi ta’ infezzjonijiet relatati ma’ safar

L-ewwel każ ta’ infezzjoni relatat ma’ safar jinvolvi każ ta’ mara ta’ 61 sena li ma sifritx, iżda li kellha kuntatt ma’ cluster ta’ infezzjonijiet ilkoll relatat ma’ safar.

It-tieni każ jinvolvi lil żagħżugħ ta’ 19-il sena li siefer fit-Tramuntana tal-Italja. Huwa kien ilu josserva l-kwarantina mit-8 ta’ Marzu li għadda, bis-sintomi joħorġu fid-19 ta’ Marzu.

każ ieħor jikkonċerna lil mara ta’ 56 sena li kienet l-Ingilterra u li bdiet turi sintomi li kienet infettata bil-COVID-19 fl-20 ta’ Marzu li għadda. Hija ma kellhiex kuntatt ma’ persuni oħrajn, apparti ma’ membri tal-familja li qed jinżammu kwarantina.

Każ ieħor huwa ta’ raġel li wkoll beda juri sintomi wara li siefer lejn l-Ingilterra.

Kien hemm ukoll żewġ każijiet oħra li hija koppja, li bdew juru sintomi tal-coronavirus fis-17 ta’ Marzu wara li rritornaw lura Malta wara vjaġġ fi Spanja.

Każ ieħor relatat ma’ safar huwa dak ta’ Malti ta’ 28 sena li jgħix l-Ingilterra u li ġie lura Malta. Huwa beda juri s-sintomi fid-19 ta’ Marzu. Il-Prof Gauci qalet li dan il-każ huwa kkontrollat u ħadd ma ġie espost. fl-istess waqt saħqet li qed isir contact tracing tal-persuni li kienu abbord it-titjira li ġie bha lejn Malta.

Każ ieħor huwa raġel ieħor Malti ta’ 56 sena li ma sifirx iżda li rriżulta li kellu kuntatti ma’ persuna oħrajn fuq il-post tax-xogħol li kien irriżulta pożittiv għall-coronavirus.

L-aħħar każ ta’ infezzjoni relatat ma’ safar huwa ta’ raġel ta’ 40 sena li beda juri sintomi fis-16 ta’ Marzu. Huwa kellu kuntatt ma’ żewġ persuni fil-familja tiegħu li kienu rriżultaw pożittivi wara li kienu fuq safar barra minn Malta.

Is-seba’ każijiet ta’ trasmissjoni lokali

l-ewwel każ ta’ trasmissjoni lokali jikkonċerna lil mara Maltija li hija health worker li ma sifritx u li ma kellhiex kuntatt ma’ persuni sintomatiċi. Prof Gauci qalet li qed isir contact tracing mal-membri tal-familja u l-kollegi tagħha, bil-contact tracing imur lura għal jum qabel ma bdiet turi s-sintomi.

It-tieni każ jinvolvi raġel ta’ 34 sena li wkoll ma kienx siefer u beda juri sintomi fis-16 ta’ Marzu li għadda. Sar contact tracing fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Fl-istess waqt huwa kien deskritt bħala li ġieli kien ikollu kuntatt ma’ barranin.

Każ ieħor jikkonċerna lil Ukrena ta’ 38 sena residenti Malta li wkoll ma sifritx barra l-pajjiż. Hija bdiet turi sintomi tal-marda fit-22 ta’ Marzu li għadda. Il-mara kienet deskritta li kien ikollha kuntatt ma’ barranin fuq il-post tax-xogħol tagħha.

Każ ieħor huwa ta’ raġel ta’ 52 sena, li beda juri s-sintomi fid-19 ta’ Marzu li għadda. Qed isir contact tracing fuq il-post tax-xogħol tiegħu u ma’ membri tal-familja tigħu.

L-aħħar tliet każijiet huma relatati ma’ xulxin – tfajla ta’ 14-il sena, mara ta’ 49 sena u raġel ta’ 29 sena. Dwar dawn it-tliet każijiet qed isir proċess ta’ contact tracing.

Ekonomija

Sport