Friday, December 13, 2024

17-il stabbiliment b’mandat ta’ inibizzjoni kontra l-miżuri l-ġodda

Aqra wkoll

Grupp ta’ sbatax-il stabbiliment u individwi dalgħodu ppreżentaw mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti kontra l-miżuri l-ġodda li se jillimitaw id-dħul għal ristoranti, gyms, u bars għal nies imlaqqma biss.

L-atturi, li se jiġu affetwati b’mod direttii mir-regoli l-ġodda dwar il-vaċċini li se jidħlu fis-seħħ għada, elenkaw diversi klawsoli fil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diskriminazzjoni, id-dritt għax-xogħol, il-qliegħ tal-għajxien, u d-dritt għall-ħajja tal-familja.

Huwa mifhum li dan il-mandat tressaq biex l-awtoritajiet iwaqqfu milli l-liġi tidħol fis-seħħ. Huma spjegaw li r-raġuni wara dan il-mandat huwa minħabba l-fatt li fil-fehma tagħhom dawn ir-regolamenti qed joħolqu diskriminazzjoni mhux biss fil-konfront tal-klijent, imma għall-ħaddiema.

Skont ir-regoli l-ġodda, se jkun meħtieġ ċertifikat tal-vaċċin biex wieħed jidħol f’numru ta’ stabbilimenti tal-ikel u tad-divertiment, inklużi bars u nightclubs, ristoranti, ċinema u gyms fost diversi oħrajn.

Ir-regoli jeħtieġu wkoll li dawk l-impjegati li jkunu f’kuntatt mal-klijenti b’mod dirett iridu jkunu mlaqqma.

Is-17-il stabbiliment u individwu qed jiġu rrapreżentati minn ħames avukati li huma Arthur Azzopardi, Keith Borg, Eric Micallef Figallo, Clive Gerada u Franco Debono.

Il-kawża se tkun ippreseduta mill-Maġistrat Miriam Hayma, bl-ewwel seduta hija skedata għat-28 ta’ Jannar.

Ekonomija

Sport