Wednesday, November 26, 2025

17-il xahar ħabs talli seraq minn karozzi pparkjati 

Aqra wkoll

Raġel li m’għandux residenza fejn joqgħod u li għandu storja ta’ reati relatati ma’ serq, kien ikkundannat 17-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq flus kontanti u sigaretti minn karozzi pparkjati fis-Siġġiewi u Birżebbuġa. 

Massimiliano Nicolosi ta’ 49 sena ammetta li seraq €5 u pakkett sigaretti minn karozza, €10 minn karozza li kienu pparkjati fi Triq Salvu Curso fis-Siġġiewi u €70 minn karozza oħra pparkjata f’Birżebbuġa.

Il-Pulizija kienet arrestatu wara li wieħed mis-sidien tal-karozzi ħareġ mir-residenza tiegħu u kkonfronta lir-raġel u ħadlu l-€10 lura. 

L-Ispettur James Mallia spjega li Nicolosi kien diġà fuq libertà proviżorja fuq akkużi simili. Intqal li l-imputat kien imur jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi u wara allegatament kien imur jisraq minn karozzi pparkjati mingħajr ma jikkawża ħsarat. 

Meta kien arrestat ħareġ li diġà kienu saru sitt rapporti lill-Pulizija fis-Siġġiewi.

L-Ispettur Mallia spjega li Nicolosi, meta tressaq f’Settembru, kien qal lill-Pulizija li wara li ngħata sentenza sospiża huwa tilef l-impjieg tiegħu u sabha diffiċli biex jerġa’ lura fuq saqajh. Huwa kien reġa’ tressaq f’nofs Ottubru li ġej fuq akkużi simili u ngħata l-libertà proviżorja. 

Fil-Qorti, Nicolosi wieġeb ħati għall-akkużi ta’ serq, li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ u li sar reċediv.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ikkundanat lil Nicolosi għal piena ta’ 17-il xahar ħabs u ordnatlu jagħti lura lill-vittmi l-flus misruqa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u Antonello Magri.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Maria Karlsson dehret għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport