Tuesday, April 23, 2024

17,000 metru kwadru ta’ spazju aħdar jinfetaħ għall-pubbliku fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa 

It-tielet spazju aħdar miftuħ mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża fi żmien xahrejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar se jibdew igawdu minn spazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru, fl-ewwel fażi tal-proġett li wasslet għall-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa. Permezz ta’ din il-picnic area, qed nagħtu lill-pubbliku spazju ieħor fejn jirrikreaw rwieħhom qalb 4,000 siġra.

Il-proġett infetaħ grazzi għall-aġenzija Project Green u huwa t-tielet spazju aħdar li qed jinfetaħ mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża din is-sena, fi żmien xahrejn. Dan wara l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u l-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali. Għaldaqstant, il-Park tal-Familja f’Bengħajsa qed joffri picnic area daqs żewġ grawnds tal-futbol f’din l-ewwel fażi tal-proġett.

Waqt żjara fil-park mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul spjega kif il-picnic area hija attrezzata b’bankijiet magħmula minn materjal sostenibbli. Matul il-passaġġ, ġew installati tabbelli b’informazzjoni relatata mat-tip ta’ siġar u arbuxelli differenti li hemm fil-park u l-karatteristiċi tagħhom.

Ġew imħawwla madwar 4,000 siġra. 1,800 siġra ġew mħawwla bħala parti mill-inizjattiva ma’ Puttinu Cares fejn għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar mill-pubbliku għal Puttinu, tħawlet siġra jew arbuxell. 

Għat-tgawdija tat-tfal, ġew installati żurżieqa u bankijiet apposta magħmula minn materjal sostenibbli.

“L-investimenti li qed nagħmlu fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna qed iħallu l-frott, u llum huwa ta’ sodisfazzjoni li qed niftħu għall-pubbliku dan il-park tal-familja f’Bengħajsa, żona li fil-passat kienet ġiet ikkunsidrata għal żvilupp ta’ miżbla jew bħala estensjoni għal proġett kummerċjali. Minflok, qed nagħtu lir-residenti il-Birżebbuga li tixirqilhom biex b’hekk se jkunu qed igawdu wieħed mill-akbar Parks fin-nofishar ta’ Malta,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. “Inħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jiġi u jgawdi dan l-ispazju.”

Il-Ministru Dalli laqgħet il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides, biex ikollhom ukoll spazju għall-attivitajiet tagħhom.

Steve Ellul spjega kif Project Green qed tadatta l-ispazji miftuħa għal komunita, bi ħsieb ukoll biex jitgawdew minn kulħadd, inkluż dawk li jagħmlu użu minn wheelchair. Għalhekk, il-picnic benches ġew adattati biex persuni b’wheelchair jkollhom spazju wkoll mal-mejda.

Steve Ellul saħaq lil-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides, li taħdem prinċiparjament mat-tfal u ż-żgħażagħ, se jkompli jassisti lil din l-organizazzjoni fl-attivitajiet tagħha biex it-tfal ikollhom spazju sigur fejn jitgħallmu. “Dawn huma r-riżultati ta’ ħidma mal-kommunità fejn smajna u issa qed inwettqu,” saħaq Ellul.

Project Green se tkun responsabbli miż-żamma ta’ dan il-park.

Sport