Sunday, November 24, 2024

178 każ quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-aħħar erba’ xhur

… magħluqa 123 każ f’dan il-perjodu

Aqra wkoll

Minn mindu l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon beda jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman, jiġifieri mit-8 ta’ Marzu li għadda, fl-Uffiċċju tiegħu daħlu 178 ilment ġdid u ngħalqu 123 każ. Qabel beda f’din il-kariga, huwa kien iltaqa’ mat-tliet Kummissarji indipendenti li jifformaw parti mill-Uffiċċju tiegħu u sa dakinhar kien hemm madwar 184 każ pendenti. Wieħed irid isemmi li l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinkludi wkoll lill-Kummissarju għas-Saħħa, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ombdusman innifsu f’intervista li saritlu minn dan is-sit fl-aħħar jiem fejn ingħatajna aktar informazzjoni dwar il-ħidma tiegħu f’din il-kariga u r-responsabbiltajiet li jġorr.

Fl-istess intervista, huwa wera x-xewqa li r-rakkomandazzjoni li jgħaddu jkunu mwettqa għaliex dan jista’ jservi għall-ġid komuni. Minkejja kollox, huwa saħaq li fil-mument, ma kienx hemm dik l-urġenza partikolari sabiex itnbidel il-liġi tal-Ombudsman.

“Li hemm bżonn hu li meta l-Ombudsman jagħmel proposti fir-rakkomandazzjonijiet li jagħmel, dawn jiġu mwettqa, kif qed isir fil-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu,” enfasizza Dr Zammit McKeon. Huwa qalilna li meta wieħed jgħid li hemm bżonn li tinbidel il-liġi, irid joqgħod attent. Fil-fatt, hemm min jgħid li meta l-Ombudsman ilesti l-investigazzjoni tiegħu, ir-rakkomandazzjonijiet li jagħmel mhux meqjusa bħala sentenza.

L-Ombudsman kompla li hu konvint li meta investigazzjoni ssir b’mod tajjeb, tkun smajt lil kuħadd, irr-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn dik l-investiagzzjoni jkunu b’saħħithom biżżejjed li l-amministrazzjoni pubblika tattwahom.

Mistoqsi kif qed iħares lejn ir-rwol kostituzzjonali tiegħu, huwa qalilna li: “jiena narah bħala rwol li fih sfida kbira iżda li fiha hemm opportunità kbira sabiex nagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Fil-fatt, ir-rwol ta’ Ombudsman hu dak li jinvestiga l-ilmenti li jkollu kull persuna u jara li l-operat tal-gvern ikun għaddej tajjeb fil-veru sens tal-kelma.”

“L-Ombudsman għandu r-rwol li permezz ta’ investigazzjonijiet, iżda wkoll ta’ rakkomandazzjonijiet, jara kif itejjeb l-amministrazzjoni pubblika. Dan filwaqt li jkun proattiv fil-ħidma tiegħu sabiex bir- rakkomandazzjoni li jagħmel, meta jiġuattwati, itejjeb is-servizz li jingħata lill-pubbliku mill-gvern.”

“L-Ombudsman irid joqgħod attent għal dak li qed jiġri fil-pajjiż sabiex fejn ikun hemm nuqqasijiet, jiġbed l-attenzjoni tal-entitajiet biex dawk in-nuqqasijiet jiġu ndirizzati, b’hekk inkunu qiegħdin nagħmlu il-ġid lill-istituzzjonijiet, kif ukoll lill-amministrazzjoni pubblika.

Hekk kif Dr Zammit McKeon qatta’ s-snin bħala mħallef fil-qorti superjuri, bħala Ombudsman safejn twassal s-setgħa tal-istituzzjoni li jokkupa? U jara li hemm xi differenza bejn li jkun imħallef u Ombudsman?

“Wara li għamilt 42 sena avukat, 12-il sena minnhom bħala imħallef, nista’ ngħidlek li hemm differenza kardinali bejn li tkun Imħallef u dan ir-rwol li għandi issa ta’ Ombudsman. Imħallef quddiemu ikollu żewġ litiganti, wieħed għandu l-każ u l-ieħor jiddefendih. L-Imħallef, jisma u jagħti sentenza li hi appellabbli. L-Ombudsman u jipproponi permezz ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvern. Jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jiġux milqugħa, l-Ombudsman jista’ jibgħathom lill-Prim Ministru u wara lill-Parlament. Ġieli jkun hemm każijiet fejn l-Ombudsman isib tarf u jsolvihom u l-partijiet ma jkollhomx għalfejn imorru l-qorti.”

“Meta tkun imħallef hu dak li jaħdem fil-Qorti Superjuri u jirrikjedi ħafna ġudizzju qabel ma joħroġ is-sentenza. Ovvjament hawnehekk trid toħroġ ġudizzju trasparenti u li verament jixraq skont il-każ minnu nnifsu.”

“Forsi nista’ nxebbah dawn iż-żewġ irwoli minħabba li kemm l-imħallef kif ukoll l-Ombudsman iridu jisimgħu l-każ b’reqqa qabel ma jaġixxu.”

Finalment saqsejna lill-Imħallef Emeritu u Ombudsman il-ġdid Joseph Zammit McKeon dwar kif jiġu mismugħa u ttrattati d-deċiżjonijiet li jittieħdu.

“L-ewwel ħaġa li nagħmlu hu li nisimgħu bir-reqqa l-ilment li jkun sar xi kultant bil-fomm u xi kultant bil-miktub. Imbagħad wieħed jitkellem bil-kwiet fuq dak li jkun sema’ mal-partijiet involuti u jassenja l-każ skont il-gravità jew ir-raġuni tiegħu. Kif wieħed ilesti l-investigazzjoni, din tmur għand l-awtorità konċernata u tiġi proposta rakkomandazzjoni li din normalment tkun aċċettata u eventwalment implimentata.”

Zammit McKeon temm jgħid b’sodisfazzjon li f’dawn l-erba’ xhur irnexxielu jiġi aċċettat sew minn diversi istituzzjonijiet li kollha tawh l-id ta’ għajnuna kull meta jkun hemm bżonn. Hu sostna li dan hu meħtieġ sabiex xogħol l-Ombudsman jiġi dejjem aktar apprezzat u fuq kollox li jkun effettiv sabiex f’pajjiżna, l-istituzzjonijiet tassew jaħdmu kif suppost u tkun ta’ ġid.

Sport