Saturday, December 21, 2024

18-il każ ta’ bullying f’sena fuq tfal u adoloxxenti taħt it-18-il sena

Aqra wkoll

Bejn Jannar 2021 u Jannar 2022, ġew irrapportati lill-Pulizija 18-il każ ta’ bullying fuq tfal u adoloxxenti li għandhom taħt it-18-il sena. 

Dan stqarru l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Camilleri. 

Mit-tagħrif li ngħata fil-Parlament, jirriżulta li ħames każi ta’ bullying seħħew f’San Pawl il-Baħar, tlieta fir-Rabat Għawdex, tlieta oħra fil-Ħamrun, tnejn f’Santa Venera, u l-każi l-oħra seħħew f’Ħal Safi, in-Naxxar, Birkirkara, Ħad-Dingli u l-Imġarr. 

Tnejn mill-vittmi kellhom 12-il sena, ħamsa kellhom 13-il sena, tlieta 14-il sena, sitta kellhom 15-il sena u tnejn oħra kellhom 17-il sena. 

L-aktar każi riċenti seħħew ftit tal-jiem ilu, preċiżament fis-26 ta’ Jannar li għadda f’Santa Venera, fejn il-Pulizija rċeviet rapporti dwar bullying fuq żewġt itfal ta’ 15 u 17-il sena rispettivament. 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena ġew irrappurtati wkoll żewġ każi ta’ bullying, b’wieħed minnhom iseħħ fis-17 ta’ Jannar fuq minorenni ta’ 13-il sena f’San Pawl il-Baħar u l-każ l-ieħor seħħ jumejn wara fir-Rabat, Għawdex fuq minuri ta’ 15-il sena.

Il-Ministru Camilleri spjega li dawn il-figuri nġabru manwalment peress li fis-sistema elettronika tal-Pulizija m’hemmx kategorija speċifika li tiġbor każi ta’ bullying, li jistgħu jkunu taħt forom diversi skont artikli oħra tal-Kodiċi Kriminali. 

Ekonomija

Sport