Tuesday, March 3, 2026

18-il proġett ġdid fil-qalba tal-komunitajiet Maltin b’fondi allokati mil-LESA

€6 miljun f’113-il proġett li jħallu impatt pożittiv u tanġibbli fil-komunitajiet lokali

Aqra wkoll

Il-Gvern jibqa’ impenjat li joħloq komunitajiet, siguri u sostenibbli madwar Malta u Għawdex. B’investiment ta’ €1.1 miljun, din is-sena ġew approvati 18-il proġett sabiex jibbenifikaw minn fondi mogħtija mill-aġenzija LESA. Fondi li mill-2021 s’issa waslu sabiex jiġu implimentati 113-il proġett b’investiment kollettiv ta’ madwar €6 miljun.

Dan il-programm huwa evidenza ċara tal-impenn strateġiku tal-Gvern biex joħloq bidliet pożittivi u tanġibbli fil-ħajja tal-komunitajiet, u biex itejjeb is-servizzi lokali, is-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja tal-residenti. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ippresjedew din iċ-ċerimonja, fejn enfasizzaw kif il-fondi tal-LESA huma strument ċentrali biex jiġu indirizzati bżonnijiet reali tal-komunità u biex jiġu appoġġati inizjattivi li jħallu impatt immedjat u sostenibbli fuq iċ-ċittadini. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza ta’ infurzar ibbażat fuq is-sens u l-bilanċ, u qal“Nemmen fl-ordni għax fejn ikun hemm l-ordni s-soċjetà taħdem aħjar. Nemmen ukoll li ċ-ċittadin ġust, dak li jsegwi r-regoli, għandu jħossu sigur u rispettat. L-infurzar bis-sens mhuwiex biex nifirħu bil-kastig, iżda biex ikollna bliet u rħula aktar organizzati, b’saħħithom u siguri fejn ngħixu aħjar flimkien.”

Il-Ministru fakkar kif proprju b’dan il-ħsieb, ftit wara li fl-2020 assuma r-responsabbiltà tal-Ministeru, kienet bdiet diskussjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex titwaqqaf skema strutturata u ġusta li terġa’ tinvesti d-dħul miċ-ċitazzjonijiet fi proġetti ta’ fejda diretta għall-komunitajiet — inizjattiva li minn dakinhar ’il hawn kompliet tissaħħaħ b’mod konsistenti.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din l-iskema matul is-snin ħalliet il-frott u l-investiment tagħha fost il-komunitajiet. Hija sostniet li fl-iskema ta’ din is-sena se jkunu tqassmu ’l fuq minn €1 miljun li nġabru mill-kontravenzjonijiet tat-traffiku mil-LESA.

Il-proġetti approvati jinkludu:

  • Proġetti favur aktar sigurtà u tinkludi CCTV;
  • Restawr u manutenzjoni ta’ siti storiċi biex jiġi ppreservat il-wirt kulturali u storiku;
  • Pavimentar u faċilitajiet sportivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u joffru opportunitajiet għal tfal u adulti;
  • Xiri ta’ vetturi elettriċi għall-Kunsilli biex jippromwovu trasport sostenibbli u effiċjenti;
  • Inizjattivi ambjentali u inklussivi li jsaħħu l-parteċipazzjoni u l-involviment ta’ kulħadd.

Dawn il-fondi joffru opportunità biex il-komunitajiet ikomplu jtejbu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jsaħħu sens akbar ta’ parteċipazzjoni u kollaborazzjoni. L-għan tal-proġetti huwa li jkomplu jsaħħu l-komunitajiet u jħeġġu l-implimentazzjoni ta’ ideat li joħolqu impatt reali u sostenibbli, filwaqt li l-approċċ tal-Ministeru jagħti ċans lil kulħadd biex ikollu vuċi fil-komunità tiegħu. L-inizjattiva turi l-impenn ċar tal-Gvern li jkompli joħloq bliet u rħula vibranti, siguri u inklussivi, fejn kull resident jista’ jħossu parti minn ambjent li jtejjeb il-ħajja tiegħu u tal-familja tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport