Libjan li ammetta li ħebb għal xufier ta’ kumpanija li twassal lill-passiġġieri u seraqlu l-flus fin-Naxxar, kien ikkundannat 18-il xahar ħabs effettivi.
Ahmed Lazoumi ta’ 29 sena residenti Birkirkara kien mixli li wettaq dan ir-reat f’April li għadda flimkien ma’ żewġ persuni oħra. Il-proċeduri fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar għadhom għaddejjin.
Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ nhar is-16 t’April, meta x-xufier tat-taxi kien mar biex jiġbor Taljan li kien jinsab fi Triq il-Markiż Giuseppe Scicluna. Malli l-passiġġier daħal fil-vettura, persuna oħra tfaċċat u ħebb għax-xufier b’martell fejn serqulu l-flus u anke l-mobile li kellu u wara ħarbu minn fuq il-post bil-vettura tal-vittma.
Il-karozza nstabet abbandunata ftit metri bogħod minn fejn seħħet l-aggressjoni u s-serqa. Filmati tas-CCTV wasslet biex ikun identifikat wieħed mill-ħallelin u mara li kienet qed issuq karozza oħra, li fiha rikbu ż-żewġ allegati aggressuri l-oħra.
L-investigazzjonijiet komplew għaddejjin u wasslu biex jitressqu l-Qorti dawn it-tliet persuni. Lazoumi wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.
Il-Maġistrat Astrid May Grima kkundannatu 18-il xahar ħabs u rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex il-ħati jingħata l-għajnuna li għandu bżonn biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Stephen Gulia filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għal Lazoumi.