Keith Micallef ta’ 33 sena, residenti l-Belt Valletta ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €55,000 wara li nstab ħati li serqilha l-ġojjelli li kellha d-dar.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li s-serqa saret f’Mejju ta’ din is-sena. Micallef minbarra li ġie akkużat bis-serqa, ġie akkużat ukoll li laqa’ għandu mutur misruq u anke li saqu mingħajr liċenzja.
Meta bdew il-proċeduri, l-akkużat wieġeb mhux ħati, iżda waqt l-istess proċeduri hu informa lill-Qorti li kien se jammetti għall-akkużi kollha kontrih.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Micallef ilu snin ixellef dufrejh mal-liġi, u minkejja li diġà għamel żmien il-ħabs xorta waħda baqa’ ma tgħallem xejn.
Il-Maġistrat ikkonsidrat l-ammissjoni tar-raġel fis-stadju bikri tal-każ kif ukoll li għandu l-vizzju tad-droga. Ġie nnutat li l-ġojjelli misruqin kienu sentimentali għall-vittma u dawn baqgħu qatt ma nstabu.
Kien għalhekk li minbarra priġunerija l-Qorti ordnat li Micallef iħallas €55,000 lill-vittma wara li joħroġ mill-ħabs. Ġie ordnat ukoll li jsegwi programm kontra l-vizzju tad-droga.