Sunday, December 22, 2024

18-il xahar ħabs wara li kellu filmat ta’ raġel ikollu x’jaqsam ma’ tarbija

Aqra wkoll

Ahmid Rabu kien ikkundannat 18-il xahar priġunerija effettivi wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku tat-tfal, wara li fuq il-mobile tiegħu nstab filmat li fih tidher tarbija.

Il-każ imur lura għal Novembru tal-2019 u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel. Fil-Qorti ħareġ li Rabu kien arrestat mill-Pulizija minħabba dokumenti foloz. Intqal li huwa kien instab fil-pussess ta’ sustanzi illeċti u diversi mobiles. 

Mill-inkjesta maġisterjali ħareġ li kien hemm filmat fuq SD Card u s-sistema ‘Cloud’ li kienu fil-pussess ta’ Rabu. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan il-filmat kien juri persuna maskili jkollu x’jaqsam ma’ tarbija, li kienet għadha bil-ħarqa.

Qalet li fil-filmat, it-tarbija tidher tibki u tipprova tevita lir-raġel. L-akkużat għall-ewwel kien ċaħad li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal iżda meta l-Ispettur urietu l-filmat, huwa kien ammetta li dan kien irċevieh madwar sentejn ilu iżda jiftakar li kien ħassru.

Fix-xhieda tiegħu, Rabu sostna li qabel ġie arrestat, huwa kien ilu jgħix Malta tlieta jew erba’ xhur. Ikkonferma li huwa rċieva l-filmat tliet snin qabel u meta kien għadu jgħix l-Italja.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova li l-akkużat kien fil-pussess ta’ materjal illeċtu li juri bnedmin vulnerabbli.

“Huwa faċli għall-akkużat li jgħid li kien ħassar l-allegat materjali u jieqaf hemm. Tali difiża biex tkun kredibbli, trid tkun ibbażata fuq il-fatti li jistgħu jiġu ppruvati xjentifikament,” qalet il-Qorti. “Il-fatt li dawn il-filmati seta’ rċeviehom meta kien f’pajjiż ieħor bl-ebda mod ma tħassar ir-reat.” 

“Huwa evidenti li l-filmati juru b’mod ċar persuni taħt l-età ta’ 15-il sena jkollhom attivitajiet sesswali ma’ rġiel adulti,” kompliet tgħid il-Qorti. 

Dwar il-piena, il-Qorti qalet li qiegħda tittratta dawn l-akkużi bħala serji u kien għalhekk li kkundannatu piena ta’ 18-il xahar ħabs. Il-Qorti ordnat ukoll li ismu jitniżżel fir-reġistru għall-protezzjoni tal-minuri. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roxanne Tabone u Paul Camilleri. 

Ekonomija

Sport