Żagħżugħ ta’ 22 sena li kien għadu kif ħareġ mill-ħabs ftit tal-jiem ilu, reġa’ tressaq il-Qorti din id-darba biex jaffaċċja akkużi li pprova jbigħ il-kokaina lil uffiċjali tal-pulizija pajżana.
Sahal Jama Mohammed mis-Somalja ġie mixli b’pussess u traffikar ta’ kokaina u li sar riċediv. Huwa kien mixli wkoll li wettaq reat f’distanza ta’ 100 metru mill-perimetru ta’ skola jew klabb fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
L-Ispettur tal-Pulizija Darryl Farr qal lill-Qorti li Mohammed inqabad jipprova jbigħ 0.3 grammi kokaina lill-pulizija pajżana f’Paceville nhar il-Ħadd li għadda.
Mohammed tressaq fil-Qorti t-Tnejn fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat 18-il xahar ħabs flimkien ma’ multa ta’ €600.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Ylenia Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.