Saturday, November 23, 2024

180 immigrant abbord l-Ocean Viking jistgħu jiġu trasferiti għal vapur ta’ kwarantina fi Sqallija

Aqra wkoll

L-Italja qed tagħmel testijiet fuq 180 immigrant salvati fil-Mediterran bil-għan li jiġu trasferiti għal fuq vapur ta’ kwarantina fi Sqallija. L-immigranti ilhom għal aktar minn ġimgħa abbord il-vapur tal-NGO SOS Mediterranee “Ocean Viking”, bi ġlied u attentati ta’ suwiċidju abbord jwasslu lill-NGO biex tiddikjara stat ta’ emerġenza nhar il-Ġimgħa li għadda.

Tim mediku li ntbagħat mill-awtoritajiet f’Pozzallo aċċerta min-nuqqas ta’ problemi partikolari ta’ saħħa. Dan filwaqt li rrapportaw li wħud mit-tensjonijiet li kienu reġistrati abbord qed jissolvew.

Intant it-tim mediku qed jissottoponi lill-immigranti għal testijiet kontra l-Covid-19, biex sussegwentement jiġu trasferiti għal vapur ta’ kwarantina li jinsab f’Porto Empedocle.

Il-vapur Ocean Viking kien qed jistenna biex jingħata permess jidħol f’port f’Malta jew l-Italja.

L-immigranti abbord jinkludu persuni ta’ nazzjonalità Pakistana, mit-Tramuntana tal-Afrika, mill-Eriitrea, u min-Niġerja fost oħrajn. Huma ġew salvati wara f’erba’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ mill-Ocean Viking bejn il-25 u t-30 ta’ Ġunju.

fost l-immigranti hemm 25 minorenni, li fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex akkumpanjati minn adulti. Hekk ukoll żewġ nisa, b’waħda minnhom tqila.

Aktar minn 100,000 immigrant ipprovaw jaqsmu l-Mediterran matul is-sena li għaddiet, b’aktar minn 1,200 minnhom imutu fit-tentattiv. Dan skont statistika ppubblikata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

Sport