“Kont anke it-Tunezija. Oriġinarjament dħalt il-Libja. Domt hemm għal diversi ġimgħat. Kont smajt li t-Tuneżija kien aħjar biex taqsam lejn l-Ewropa u mort Sfax. Kont spiċċajt arrestat għal xejn b’xejn. Spiċċajna lura lejn il-Libja. Għamilt il-vjaġġ, imma konna interċettati mil-Libjani. Spiċċajna fil-ħabs ta’ Al Assa fil-Libja, li jinsab mal-fruntiera mat-Tuneżija. Domna miżmumin hemm u beda jintalab rahan għalina. Il-familja tiegħi spiċċaw ħallsu €1,800 biex inħlist.” Tistaqsih fuq l-esperjenza ta’ persuni oħra fl-istess ċentru ta’ detenzjoni, li għalih kien qisu ħabs u jsemmilek swat, torturi, nuqqas kbir ta’ ikel u ffullar. “Jeħdulek kollox.” Jgħid li dawn kienu l-ordni tal-ġurnata, fejn l-aktar ħaġa importanti għal min kien iwettaq dawn l-atti inumani kien li jitħallas ir-rahan.
Din hi l-esperjenza ta’ Aarish, isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu. Immigrant li fil-Libja esperjenza l-agħar esperjenzi ta’ ħajtu. Jista’ jgħid li jħossu fortunat li għadu ħaj.
Jgħid li “titkellem ma’ min titkellem li kien f’dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni se jgħidlek l-istess ħaġa. Konna f’infern……ma’ kulħadd ngħid li jekk trid tara l-infern kull m’għandek tagħmel hu tmur fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja. Tara b’għajnejk xi jfisser infern għalina.”
U għal Libjani anke għad-Direttorat għall-Kontroll
tal-Immigrazzjoni …..l-“immigranti huma illegali”
U biex wieħed jifhem kemm fil-Libja lanqas jeżisti rispett lejn persuni Afrikani u barranin oħra, biżżejjed jara kif jiddeskrivu lill-immigranti d-Direttorat għall-Kontroll tal-Immigrazzjoni. Jaqbdu u jagħtu tifsira ta’ x’inhuma l-barranin li jidħlu fit-territorju bla dokumenti jew b’dokumenti neqsin. Id-Direttorat jgħid li “kull persuna minn pajjiż terz li jidħol fil-pajjiż mingħajr approvazzjoni kemm b’visa jew b’permess ta’ residenza, jew li jidħol fil-pajjiż bil-forza, jitqies bħala ‘immigrant illegali”. Dan hu l-istess direttorat li miegħu taħdem mill-qrib l-Unjoni Ewropea, f’dik li skont huma hu l-kontroll tal-immigrazzjoni.
Ovvjament it-terminu ‘immigrant illegali’ hu terminu li ma jagħmilx sens. Dan għax l-ebda persuna mhu illegali. M’hawn ebda uman li hu illegali. Hi l-azzjoni li għandha titqies illegali u mhux il-persuna. Din fil-Libja, hi xi ħaġa, li ma jagħtux kasha u l-barranin minn pajjiżi terzi jitqiesu bħala mezz kif jitħaddmu fl-iskjavitu jew kif isiru flus minn fuqhom billi jintalab rahan meta jinħatfu jew jispiċċaw fil-ħabsijiet.
Fi kliem persuni Afrikani li jitkellmu dwar il-vjaġġi jirrimarkawlek li “l-vjaġġ hu wieħed diffiċli. Ħadd ma jagħti kasek jekk tmut. Titħalla fejn kollox jibqa’ għaddej. Fil-Libja l-umanità tiegħek tispiċċa”.
Jekk wieħed janalizza sew il-lingwaġġ anke d-diskorsi li jsiru minn politiċi u fil-midja, persuni vulnerabbli li jkunu qegħdin ifittxu tama ġdida f’xi pajjiż ieħor, flimkien ma’ nies bla saqaf fuq rashom u nies oħra, spiss jiġu deskritti b’mod xejn tajjeb bħal per eżempju ‘mewġa ta’ influss ta’ immigranti’, ‘invażjoni ta’ immigranti’, ‘eluf kbar ta immigranti lesti li jitilqu’, ‘kriżi’ u oħrajn. Kliem li b’mod inġust ħafna jagħti stampa li l-immigranti u persuni vulnerabbli huma inkontrollabbli u perikolużi.
U meta wieħed jibda jperreċ dawn it-tip ta’ dikjarazzjoni, li jkun qiegħed jagħmel hu li jżid il-preġudizzji u l-istigma kontra dawn il-persuni.
Illum hu ppruvat u dan anke minn diversi studi li inħarġu li l-użu ta’ frażijiet negattivi fil-konfront ta’ persuni vulnerabbli u immigranti, li jagħmlu hu li jiffurmaw opinjoni pubblika fost sezzjonijiet sħaħ ta’ nies, liema opinjonijiet tneżża lill-immigranti mill-individwalità tagħhom u din tfisser li dawn ma ħaqqhomx jiġu mgħejjunin, ma ħaqqhomx solidarjetà, ma ħaqqhomx simpatija. U allura quddiem dan il-lingwaġġ imbagħad jiżviluppaw frażijiet oħra li jibdew jiġu ripetuti mill-opinioni pubblika bħal “nitfgħuhom ‘barra’. “M’għandhomx jibqgħu jiġu”. “Waqqfuhom”. ‘Iddeportawhom”.
Minkejja li dan hu magħruf, tibqa’ ssib politiċi li jibqgħu jiddeskrivu lil dawn il-persuni vulnerabbli bħala ‘aljeni’ u ‘illegali’ fost oħrajn.
Lil hinn minn dan, dawn it-tip ta’ frażijiet u preġudizzji jiġu miġġielda biss b’mod wieħed, dak li tingħata vuċi lill-immigranti u l-vulnerabbli. Dak li l-istejjer tagħhom jinstemgħu. Jiġu ppubblikati biex il-pubbliku inġenerali ikun jaf minn xhiex għaddew u x’qed jiffaċċjaw.
Isir il-vjaġġ……kienu interċettati
Aarish jitkellem dwar il-vjaġġ. Vjaġġ li dam jistenna għalih f’kundizzjonijiet xejn tajbin. “Konna ilna ammont sew ta’ ħin li tlaqtna. F’ħin minnhom rajna patrol boat riesqa lejna. Ġew sparati diversi tiri fl-ajru. Fid-dgħajsa qam paniku sħiħ. Kien hemm biża’ kbir. Kienu l-Libjani u ħaduna lura lejn il-Libja. Tispiċċa ma tafx x’se taqbad tagħmel. L-isforzi li tkun għamilt qabel ikunu taru mar-riħ. Tispiċċa detenut. Tħossok dahrek mal-ħajt. Tħossok abbandunat. Qisek maqbud x’imkien u ma tistax issib xaqq ta’ dawl. Tibda taħseb fil-familjari. Tiftakar minn xhiex għaddejt. F’dak il-mument kull ħsieb jibda ġej quddiemek”.
Jekk tistaqsih dwar it-tluq tiegħu u l-familja, jgħidlek “ħadd ma jitlaq il-familjari għalxejn. Domt naħsibha nagħmilx il-pass. Il-familja kelli nħalliha warajha biex nipprova nsib mezz kif ngħinhom. Għalhekk il-vjaġġ lejn il-Libja. Ridt nagħmel xi ħaġa biex ngħajjex lil familti. Inutli nibqa’ f’pajjiżi. Għal xi żmien familti ħasbet li kont mitt għax ma semgħux mingħandi għal ammont ta’ żmien.”
“Meta għamilna l-vjaġġ, il-ħsieb kien li nmorru l-Italja. Il-Libja ma stjaniex noqogħdu aktar. Il-post hu infern għalina. Rispett lejn il-barranin ma jeżistix. Biex tgħib jew tisparixxi hi xi ħaġa komuni. Li tkun immigrant fil-Libja m’għandek ebda valur. Lanqas titqies bħala bniedem. Smajna b’każijiet ta’ barranin li ssawwtu. Oħrajn jitħaddmu qishom annimali. Lil kulħadd ngħidha jekk trid tara l-infern mur il-Libja u għix mal-immigranti.”
“Kif irritornajna l-Libja tefgħuna f’ħabs. Kienu jiem li fihom ix-xemx qatt ma rajniha aktar. Bdew jitfgħu kemm jifilħu nies fi kmamar li kien hemm. Kien hemm rassa kbira. Ħadulna l-affarijiet kollha li kellna. Ħallewlna biss il-ħwejjeġ ta’ fuqna. Tispiċċa f’inċertezza kbira u ansjetà. Ikel mill-inqas. Iġibulek xi ftit ħobż. Ġieli konna naqsmuh bejnietna Iġibulek platt għaġin bejn ħamsa minn nies. Kien ikollna ġuħ kbir. Konna nippruvaw naraw kif nagħmlu biex l-ikel iservina kemm jista’ u jiekol kulħadd”.
Konna nieklu bil-mod u ma nibilgħux l-ikel….
…mard u imwiet fid-detenzjoni
Jgħid li “biex nippruvaw naraw li l-ikel iservi u jiekol kulħadd, konna nieklu bil-mod. Ma nafx hux qed tifhimni, imma l-ikel ma nibilgħuhx. Nibqgħu nomogħduh. Din wasslet wara ammont ta’ żmien biex diversi persuni li kienu hemm ġew mardu. Kien hemm anke nies qegħdin imutu kemm minħabba nuqqas ta’ ikel u anke minħabba mard. Anke l-ilma kien mill-inqas”.
“Jekk titlob mediċini għax tkun tħossok ma ta tiflħax, se ssib li jiġu l-gwardji armati u jsawwtuk. Swat bla ħniena f’wiċċek u f’sidrek. Kienu jsawwtuna b’kanen tal-ilma. Tweġġa’ ħafna l-aktar meta jtuk bihom saqajk. Anke tfal rajthom isawwtu”, jgħidilna Aarish.
Imma ħadd ma jiġi jiċċekkja l-kundizzjonijiet
fid-detenzjoni?
Ma tistax ma tistaqsihx jekk qattx mar xi ħadd biex jara l-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-immigranti. Aarish jgħid li “konna nisimgħu li ġew xi persuni li kienu involtu f’organizazzjoni. Ma nafxu kienux tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-Unjoni Ewropea. Qisek tiħu r-ruħ. Li ġara imma dawn kien hemm grupp ta’ persuni, li kienu fi stat tajjeb, forsi qabdu seba’ jew tminn persuni, u ħaduhom f’kamra sabiħa fl-istess ħabs. Li ma rawx imma dawk li ġew, li wara dik il-kamra kien hemm kmamar oħra li fihom kien hemm persuni miżmumin fl-agħar kundizzjonijiet. Meta jiġi xi ħadd jara, dejjem juruhom dak li forsi jkun jidher sabiħ. Huma jibdew jinnegozjaw biex ibigħuk. Jintalab rahan jew inkella jixtrik xi ħadd. Faċli tispiċċa tinbiegħ lil xi aġent. Jgħidulek li aħjar tħallas ħalli tingħata ċans ġdid. Jekk ma tħallasx tispiċċa tkun ittorturat. Tortura iebsa. Ineħħulek il-ħwejjeġ u norbtuk minn saqajk. Isawwtuk u jiġbdu filmat biex jibagħtuh lill-familjari jew qraba tiegħek biex kif jarawk f’dik il-qagħda iħallsu. Ħallsuli $1,800 rahan biex inħlist mid-detenzjoni”.