Minn nhar it-Tnejn sal- bieraħ, it-team nazzjonali Malti tat-tfajliet ħa sehem f’mini-tournament validu mir-round ta’ kwalikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew Under 17 2024, fil-Kroazja u spiċċa fit-tieni post wara l-pajjiż ospitu b’żewġ rebħiet u telfa.
Fl-ewwel logħba l-Maltin kienu fin-naħa l-ħażina ta’ riżultat ta’ 8-0 kontra l-Kroazja bil-logħba l-oħra tintemm f’rebħa ta’ 1-0 għal Lussemburgu kontra Azerbaijan.
Imbagħad nhar il-Ħamis Malta kisbet l-ewwel rebħa meta għelbet lil Lussemburgu bl-iskor ta’ 2-1 fejn kienet Njorah Celeste (29) li fetħet l-iskor għall-Maltin. Iżda żewġ minuti wara Cabral Tavares (31) kisbet il-pareġġ għal Lussemburgu.
Madankollu, tliet minuti mit-tmien is-sostitut Sara Saliba (87) skorjat il-goal tar-rebħa għat-team immexxi mill-coach Vince Galea.
Fil-logħba l-oħra tal-ġurnata, il-Kroazja reġgħu kisbu skor kbir meta għelbu lil Azerbaijan 8-0.
Il-Maltin kisbu t-tieni rebħa meta lbieraħ għelbu lil Azerbaijan 4-1 fejn wara li dawn fetħu l-iskor minn Khanim Asadova (4) kienet Kaysia Micallef (26) li għamlithom 1-1.
Meta daru l-Maltin ma ħarsux lura meta l-captain, Lexine Farrugia (47, 52) skorjat doppjetta waqt li Sara Saliba (64), li kienet ħadet post Celeste, issiġillat ir-rebħa.
Il-Kroati għalqu l-programm tagħhom b’rebħa ristretta ta’ 1-0 kontra l-Lussemburgu.