Friday, December 5, 2025

19-il sena ħabs wara li daħħal f’pajjiżna mal-24kg droga kannabis

Aqra wkoll

Raġel ta’ 34 sena mill-Malasja kien ikkundannat 19-il sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li f’Marzu li għadda daħħal f’pajjiżna mal-24 kg kannabis. 

Hew Jun Hui kien arrestat f’Marzu mal-wasla tiegħu tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Dubaj. 

L-Ispettur tad-Dwana, Anthony Scerri, kien spjega fil-Qorti li nhar is-17 ta’ Marzu li għadda meta waqt spezzjoni ta’ rutina fl-ajruport, il-kelb tiegħu mmarka żewġ bagalji. 

Huwa segwa dawn il-bagalji sakemm ġew miġbura mill-akkużat, li għarfu fl-awla. Kien hemmhekk li l-akkużat ġie arrestat u ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u nfetħet inkjesta.

Is-sustanza li nstabet fil-bagalji tiegħu rriżulta li kienet tikkonsisti fi droga kannabis u l-piż totali kien dak ta’ 23.915 kilogrammi u l-persentaġġ medju ta’ Cannabil Binoid fil-materjal kien ta’ 20/21 persentaġġ ta’ valur fis-suq stmat ta’ €263,065. 

L-akkużat kien tressaq il-Qorti fejn ġie mixli bl-importazzjoni, assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kannabis, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Fis-seduta tas-27 t’Ottubru li għadda, l-akkużat irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkonferma din l-istess ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qieset kemm il-fedina penali tal-akkużat li fiż-żmien li seħħ il-każ, li hi waħda netta, kif ukoll il-fatt li huwa rreġistra l-ammissjoni, għalkemm mhux fi stadju bikri tal-proċeduri, iżda qabel inħarġet l-Att tal-Akkuża fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti rat ukoll ir-rikors konġunt tal-Avukat Ġenerali u d-Difiża, ippreżentat nhar it-13 ta’ Novembru 2025, fejn kien hemm qbil dwar il-piena li kellha tingħata fil-konfront tal-akkużat. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti qalet li kellha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn il-partijiet u kkundannat lil Hew Jun Hui għal 19-il sena ħabs flimkien ma’ multa ta’ €35,000. 

Huwa kien ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €7,865 fi spejjeż relatati mal-ħatra tal-esperti, inkluż dawk maħtura fl-istadju tal-proċess verbal tal-inkjesta

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport