Monday, December 23, 2024

190 proġett li se joħolqu 1,900 impjieg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li f’sena ta’ pandemija, il-Malta Enterprise approvat 38 proġett ġdid ta’ investiment barrani, proġetti li jiswew €77 miljun u li se jiġġeneraw kważi 900 impjieg. 

Ma’ dawn, fl-istess sena, kellna wkoll 27 proġett ġdid ta’ investituri barranin li diġa’ joperaw minn pajjiżna, 119-il proġett ta’ negozjii Maltin u Għawdxin li jridu jespandu u sitt proġetti minn investituri lokali ġodda. 

B’kollox, dawn il-190 proġett mistennija joħolqu aktar minn 1,900 impjieg. Invesitment ta’ €140 miljun, li 10% minnhom huma minn kumpaniji ġodda li se jibdew l-operat tagħhom f’nofs pandemija. 

Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza business breakfast organizzat mill-Gvern bit-tema lejn Prosperità Ġdida f’lukanda ewlenija fil-Furjana. Preżenti kien hemm numru ta’ Ministri, stakeholders ewlenin u msieħba soċjali fosthom il-General Workers’ Union li kienet rappreżentata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-President Victor Carachi. 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega li s-suċċess ekonomiku li ksibna sa issa, anke f’nofs il-pandemija mhuwiex biżżejjed għalkemm huwa ttajjeb li bqajna nsostnu t-tajjeb li nkiseb fis-snin riċenti.

Huwa qal li ma rridux inħallu lill-pandemija tillimitana fil-viżjoni tagħna, fl-ambizzjoni tagħna, fl-ottimiżmu tagħna, iżda rridu nħarsu lejn prosperità ġdida u sostenibbli għall-pajjiżna u għall-poplu tagħna.

Dr Abela spjega li din il-prosperità ġdida hija bbażata fuq ħames pilastri ewlenin li fuqhom hija bbażata l-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern. Dawn il-pilastri huma l-governanza, il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-ambjent. 

Huwa semma kif l-isfida li kellna bil-miġja tal-pandemija, setgħet mhux biss waqqfet il-pjanijiet kollha ta’ dan il-Gvern iżda agħar minn hekk setgħet reġġgħet lil pajjiżna għas-sitwazzjoni li kien fiha qabel l-2013.

“Pajjiż b’finanzi b’pubbliċi mwiegħra u piż ta’ dejn nazzjonali li jxekkel l-investiment pubbliku. Pajjiż bi proporzjon kbir tal-popolazzjonj mhux taħdem u tiddependi fuq is-servizzi soċjali. Kien laqqat downgrade wieħed wara l-ieħor u spiċċa taħt lil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

“Kien għalhekk li għażilna li nkunu ambizzjuż. Li minflok politika ta’ awsterità nilqgħu għal din l-isfida bl-akbar baġit ta’ għajnuna fiskali fl-istorja ta’ pajjiżna li segwa tliet pakketti finanzjarji oħra.

“Din l-istrateġija sa issa kienet suċċess. Aħna wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja fejn l-ammont ta’ impjiegi għadu akbar milli kien sena qabel. Minflok kellna żieda f’dawk dipendenti fuq assistenza soċjali kellna tnaqqis. L-aġenziji ta’ kreditu, waħda wara l-oħra, qed jikkonfermaw ir-rating A+ tagħna u jagħtuna prospetti stabbli, filwaqt li jagħtu downgrades lil pajjiżi akbar minnha”, qal Dr Abela.

“Il-Governanza hija l-aktar ħaġa essenzjali għas-suċċess ta’ ekonomija moderna”

Meta kien qed jitkellem dwar il-governanza, il-Prim Ministru saħaq li din hija l-aktar ħaġa essenzjali għas-suċċess ta’  ekonomija moderna. Illum aktar minn qatt qabel li tkun topera f’pajjiż b’sistema legali effiċjenti, bi tmexxija amministrattiva trasparenti u b’qafas finanzjarju sod huwa ċ-ċavetta tas-suċċess ekonomiku. 

Filwaqt li semma kemm huwa importanti li jkun sistema legali b’saħħitha biex tirregola d-dinja diġital, Dr Abela qal li r-riformi li qed nagħmlu fil-sistema ġudizjarja, fl-aġenziji regolatorji u fil-puluzija huma essenzjali għar-rivoluzzjoni diġitali li rridu nagħmlu. 

Il-governanza tajba hija parti essenzjali tal-infrastruttura li rridu nipprovdu biex nattiraw investiment dirett barrani minn dawn is-setturi ġodda kif ukoll biex inkunu nistgħu nrawwmu talent lokali f’dan l-oqsma. “Min jaħseb li wara l-Moneyval il-ħidma tal-Gvern ser tieqaf, sejjer żball. Il-programm tal-Gvern fejn tidħol governanza jmur ferm aktar minn hekk”, tenna il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela tkellem ukoll fuq il-kwalità ta’ ħajja u l-ħtieġa li jkun attirat aktar talent lejn il-pajjiż. Fuq dan il-punt il-Prim Ministru saħaq li hemm bżonn li nkunu ffukati anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna li ma tkunx waħda blanket imma anke ffukata. Fuq l-edukazzjoni l-Prim Ministru qal li huwa importanti dan is-settur sabiex ikun hemm it-taħriġ għall-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq l-infrastruttura u l-ambjent anke sabiex tintlaħaq il-mira ta’ carbon-neutrality.

Il-Ministru Caruana: Id-daqqa tal-pandemija 50 darba akbar mir-riċessjoni li laqtet id-dinja fl-2008

Il-business breakfast kien ukoll indirizzat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana li sostna li ninsabu fi żmien bla preċedent għall-fatt li l-impatt tal-Covid fuq l-ekonomiji f’diversi pajjiżi madwar id-dinja huwa wieħed devastanti. Huwa qal li d-daqqa tal-pandemija hi 50 darba akbar minn dik li kellha r-riċessjoni tal-2008 fuq l-ekonomija dinjija. 

“Id-diskors fl-Ewropa huwa kif il-Gvernijiet se jżidu dħul tagħhom b’aktar taxxi. Hawn ilkoll naqblu li jekk hemm xi ħaġa li żgur ma nistgħux nitkellmu fuqha dan iż-żmien huwa kif se nżidu t-taxxi. Jekk kemm-il darba għandna l-komunità kummerċjali li b’xi mod jew ierħor qalgħet daqqa, ma jistax ikun il-Gvern li jtiha daqqa oħra.’ 

Il-Ministru Caruana qal ukoll li hemm aktar sfidi lil hinn mill-pandemija fosthom it-tassazzjoni u l-qasam tax-xogħol. Ladarba rnexxielna naslu s’hawn u b’xi mod jew ieħor il-pajjiż mil-lat ta’ saħħa u mil-lat ta’ ekonomija rnexxielna nipproteġuh, daqstant ieħor jiena konvint li jirnexxielna ngħaddu minn dan kollu matul ix-xhur li ġejjin biex fil-baġit li jmiss inkunu nistgħu nħabbru aktar pjanijiet ta’ kif dan il-pajjiż se jkompli jikber u jsaħħaħ ir-riżorsi tiegħu kif ukoll dawk tal-gvern biex nasiguraw livell ta’ għajxien aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Ekonomija

Sport