Sunday, November 10, 2024

192 tifel u tifla bejn sema u ilma … kważi nofs l-immigranti salvati minn Humanity 1

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Każ li ftit li xejn seħħew bħalu fejn tidħol l-immigrazzjoni illegali hu dak li  bħalissa  bejn sema u ilma f’nofs il-Mediterran hemm 192 tfal.  Minn  dawn hemm 113-li huma minuri mhux akkumpanjati.  Dan minn bastiment li abbord fuqu hemm 415 immigrant.  Dan ifisser li kważi nofs l-immigranti salvati mill-bastiment Humanity 1 huma tfal.

Sa issa dawn għadhom qegħdin jistennew port sigur u huma kienu ilhom għadd ta’ jiem fi vjaġġ li bdew mil-Libanu. Il-persuni huma Sirjani. Minkejja li kien ingħad b’mod mhux konfermat minn ħadd, li kien hemm tarbija mejta fuq dgħajsa ta’ aktar minn mitejn immigrant, dan irriżulta li ma kienx minnu. Filfatt wara li dgħajsa tħalliet għal diversi jiem bla assistenza, il-Humanity 1, mar fil-lvant ta’ Malta u salva lil dawn l-immigranti li kienu ilhom għal jumejn fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. 

Abbord din id-dgħajsa li kellha fuqha aktar minn 200 persuna, kien hemm 88 tfal u 36 nisa.   Il-Humanity 1 kien wettaq salvataġġi biex issa fuqu hemm 415 persuna, b’192 tfal. 

Tajjeb wieħed jirrimarka li proprju f’temp ta’ ftit jiem mietu 9 itfal fosthom żewġ itrabi waqt li kienu qed jivvjaġġaw biex jidħlu fl-Ewropa.

Kien hemm il-każ ta’ Loujin, tifla ta’ 4 snin li mietet litteralment bil-għatx. Hi kienet ilha bejn sema u ilma għal għaxar t’ijiem wara li dgħajsa b’60 immigrant telqet mil-Libanu. Għal ħafna ħin id-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, fejn minkejja talbiet għall-għajnuna, l-għajnuna ingħatat jiem wara. Loujin mietet fi triqitha lejn l-isptar f’Heraklion fi Kreta. Magħha imma f’ċirkostanzi differenti mietu żewġ żgħażagħ oħra. 

Fit-12 ta’ Settembru kienet l-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) li infurmat li kienu mietu tlett itfal li kellhom sena, sentejn u 12-il sena u dawn mietu fuq vjaġġ mit-Turkija għall-Italja. 

Ma’ dawn imbagħad kien hemm żewġt itrabi u tlett itfal mietu fil-baħar Eġew. 

Sport