Tuesday, December 24, 2024

1,924 tifel u tifla b’ħolma għal dan il-Milied

Aqra wkoll

Vouchers tal-ħwejjeġ, drum set, membership tal-gym, lezzjonijiet tal-kant, top-up għal tal-Linja u Cicco Bello huma fost il-ħolm ta’ 1,924 tifel u tifla li rreġistraw ix-xewqa tagħhom għal dan il-Milied hekk kif għas-sitt sena ġiet imnedija l-kampanja bl-isem ta’ ‘Children’s Dreams’. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li bosta tfal li jkunu qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli fl-ambjent tad-dar tagħhom u tfal li jgħixu f’bosta djar residenzjali jaqtgħu x-xewqa tagħhom. Dawn is-sitwazzjonijiet ikunu jinkludu problemi soċjali u kemm dawk finanzjarji.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon appella lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din il-kampanja u jikkontribwixxi biex il-ħolm ta’ dawn it-tfal isir realtà. Huwa qal li b’dan il-mod, inkunu nistgħu ngawdu mill-gost li nagħtu u nuru vera xi tfisser solidarjetà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qal li dan il-proġett huwa xhieda ta’ kemm il-professjonisti tagħhom mhux talli jwettqu x-xogħol tagħhom bi professjonalità, talli jmorru lil hinn minn dan u huwa proprju permezz tas-sostenn tagħhom li dan il-proġett ikun jista’ jsir.

Grixti ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed essenzjali li jagħmluh tassew mill-qalb u sostna li huwa tassew importanti li naqtgħu x-xewqa ta’ dawn it-tfal dan il-Milied.

Jekk tixtieq tkun parti minn din il-kampanja u twettaq xi ħolma ta’ tifel jew tifla, żur is-sit childrendreams.org. 

Ekonomija

Sport