Maltempata li rriżultat f’tifun li ġie mlaqqam Kalmaegi, qatlet mill-inqas 188 persuna fil-Filippini u ħamsa oħra fil-Vjetnam, skont ċifri maħruġa miż-żewġ pajjiżi. Il-maltempata qawwija issa tinsab miexja lejn il-Kambodja u l-Laos wara li għaddiet minn ġol-Vjetnam ċentrali nhar il-Ħamis b’irjieħ b’qawwa ta’ 92 mil fis-siegħa.
L-ibliet tul il-kosta ċentrali tal-Vjetnam kienu mimlija tifrik wara l-maltempata qawwija li għamlet matul il-lejl. L-irjieħ qawwija qalgħu s-siġar u l-bjut u kissru twieqi kbar. Eluf ta’ nies fittxew kenn fl-iskejjel u f’bini pubbliku ieħor hekk kif l-armata ġiet skjerata biex tgħin fil-ħsara li saret.
L-awtoritajiet Vjetnamiżi wissew dwar għargħar possibbli f’żoni baxxi. Fil-Vjetnam Ċentrali diġà niżlet xita rekord fil-ġimgħa li għaddiet li ħalliet 50 persuna mejta.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-istess maltempata qerdet partijiet mill-Filippini meta xita qawwija torrenzjali gerrbet muntanji ta’ tajn ‘l isfel mill-għoljiet u f’żoni residenzjali. Xi żoni fqar inqerdu mill-għargħar f’daqqa u malajr.
L-għadd ta’ mwiet irrappurtat nhar il-Ġimgħa żdied mill-114 li kienu rrappurtati fil-ġurnata ta’ qabel. Dan filwaqt li 135 persuna oħra għadhom irrapportati bħala nieqsa.
Fil-Filippini ġie dikjarat stat ta’ emerġenza madwar il-pajjiż kollu hekk kif qed jipprepara għal tifun ieħor li qed jikber fl-Oċean Paċifiku.
Qabel it-Tifun Kalmaegi, il-militar tal-Vjetnam nhar il-Ħamis skjera aktar minn 260,000 suldat u persuni oħra fi sforzi ta’ għajnuna, flimkien ma’ aktar minn 6,700 vettura u sitt ajruplani. Xi ajruporti u awtostradi fil-pajjiż ingħalqu u mijiet ta’ eluf ġew evakwati.
Kmieni nhar il-Ħamis, il-President tal-Filippini Ferdinand Marcos Jr iddikjara stat ta’ emerġenza, għad-diżgrazzji tal-massa, ħsara kbira lill-proprjetà, u tfixkil fil-mezzi tal-għajxien u l-mod ta’ ħajja normali għan-nies fiż-żoni milquta.

